Matul is-sena 2010, l-Għaqda Ġurnalisti Sports se tkun qed tiċċelebra bl-aħjar mod possibli żewġ anniversarji importanti fil-qafas tal-istruttura tagħha u f’dak marbut mal-isport Malti. L-GħĠS, mix-xahar id-dieħel sa Jannar 2011 se tkun qed tiċċelebra l-40 sena mit-twaqqif tagħha kif wkoll il-50 sena mill-ewwel edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali.
Dettalji inagħtaw minn Charles Camenzuli, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports illi ħabbar li matul is-sena huwa ttamat li jagħmel żjara f’Malta il-President tal-AIPS , Gianni Merlo kif wkoll hemm possibilta` kbira illi jiltaqa’ hawn Malta il-Kumitat Eżekuttiv ġdid tal-Unjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (UEPS) li għandu jkun elett f’Mejju f’Antalya.
Camenzuli saħaq illi : “L-Għaqda Ġurnalisti Sports, hija konxja mill-iżvilupp li twettaq fil-media tal-isport fl-aħħar snin u ċelebrazzjoni ta’ 40 sena ta’ kontribut minn dik li sa ftit xhur ilu kienet magħrufa bħala Għaqda Kittieba Sports għandhom ikunu l-qofol ta’ rikonoxximent għal min ta sehem f’dan l-iżvilupp. Daqstant ieħor l-Għazliet Sportivi Nazzjonali. L-uniċi Għazliet u għarfien għall-isportivi fuq bażi nazzjonali fejn irrispettivament minn kull għazla oħra dawn jibqgħu l-massimu illi atleta, tim jew uffiċjal Malti jista’ jilħaq matul il-karriera.”
Huwa kompla illi : “Ħasra illi Benny Pace il-bniedem li ħoloq dawn l-Għażliet m’għadux magħna iżda żgur li ċ-ċelebrazzjoni tal-50 Edizzjoni se tkun l-ogħla rikonoxximent li l-GħĠS tista’ u għandha tagħtih”.
Matul l-2010, l-GħĠS se tagħmel żjarat ta’ kortesija kemm lill-President ta’ Malta, lill-Prim Ministru kif ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni u fl-istess waqt issaħħah ir-relazzjonijiet tajba li diġa` jeżistu mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
Se jitfassal Ukoll programm ta’ żjajjar fl-iskejjel governattivi u privati li matulhom ġurnalisti stabbiliti jkollhom iċ-ċans li jiddiskutu u jagħtu tagħrif lill- istudenti dwar kif il-media tal-isport żviluppat matul l-aħħar snin.
Sandro Micallef, Segretarju Ġenerali tal-GħĠS, filwaqt li ta dettalji dwar il-programm kollu ta’ attivitajiet għamel referenza għal taħdidiet li uffiċjali tal-GħĠS se jkollhom mal-għaqdiet nazzjonali tal-isport b’mod li titjieb ir-relazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol waqt li ġurnalisti membri jkunu fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Huwa ttamat wkoll li jsir Seminar Nazzjonali bil-parteċipazzjoni tal-għaqdiet nazzjonali tal-isport kif ukoll Kors fl-iżvilupp tal-ġurnalizmu sportiv.
Leave A Comment