L-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports fl-aħħar jiem kellu tliet laqgħat fil-Gżira Għawdxija.
L-ewwel laqgħa kienet mal-Gozo Football Association fejn l-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports iltaqa’ mal-Eżekuttiv tal-GFA liema delegazzjoni tal-GFA kienet imexxija mill-President Alvin Grech u mis-Segretarju Ġenerali Joe Bajada.
Fil-laqgħa ġew diskussi diversi materji fosthom il-faċilitajiet tal-media fil-Gozo Stadium li tjiebu drastikament u faċilitajiet fi stadia oħra. Iż-żewġ naħat qablu wkoll li għandu jitwassal il-messaġġ lill-ġurnalisti maltin sabiex jippruvaw jagħtu iktar spazju lill-Football Għawdxi fuq il-mezzi tax-xandir speċjalment waqt programmi televiżivi u anke tar-radju.
Laqgħa oħra separata kienet mal-Gozo Sports Board fejn is-Sur Alvin Grech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ dan il-Board. Is-Sur Grech f’din il-laqgħa għamel preżentazzjoni dettaljata tal-proġett li mbarka fuqu l-Ministeru ta’ Għawdex sabiex jagħti dimensjoni oħra lill-iSport f’Għawdex permezz ta’ struttura ta’ aministrazzjoni b’saħitha fid-diversi assoċjazzjonijiet sportivi għawdxin.
Laqgħa oħra saret mal-Assoċjazzjoni tal-NGO’s Għawdxin li fiha hemm affiljati l-NGO’s kollha inklużi dawk b’rabta diretta jew indiretta mal-Isport.
Id-delegazzjoni tal-GħĠS waqt dawn il-laqgħat tmexxiet mill-President Charles Camenzuli u mill-Viċi President Mario Bonici. Intant is-Sur Mark Cini ġie maħtur uffiċjalment ir-rapreżentant tal-GħĠS f’Għawdex u ġie co-opted b’effett imedjat fil-Kumitat Eżekuttiv.
Leave A Comment