“Il-fatt li kumpanija bħal Maltco Lotteries kellha l-fiduċja sħiħa fl-edizzjoni 2014 tal-Isport Malta Awards – Ġħażliet Sportivi Nazzjonali huma garanzija tax-xogħol li l-Kumitat Organizattiv wettaq matul l-aħħar xhur u li jikkonfermaw kif avveniment bħal dan ta’ kull sena jibqa’ jqawdi rispett f’kull firxa tas-soċjeta sportiva f’pajjiżna ” – hekk saħaq Charles Camenzuli , President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u rappreżentant tal-Kumitat Organizattiv fl-okkazjoni tal-preżentazzjoni ta’ għotja finanzjarja minn Maltco Lotteries lir-rebbieħa ewlenin f’ seba’ kategoriji tal-54 Edizzjoni tal-Sport Malta Awards – Għazliet Sportivi Nazzjonali.
Fl-istess waqt Charles Camenzuli rringrazzja lil Dr.Iannis Katakis – CEO Maltco Lotteries Ltd għall appoġġ li taw u għall interess li wrew sabiex dan l-avveniment seta’ jkun suċċess.
Dawk li bbenefikaw minn din l-għotja finanzjarja ta’ EUR500 kienu Claudio Cassar u Sue Abela bħala Sportiv u Sportiva tas-sena rispettivament. Karl Izzo u Joe Cassar Kowċ u Uffiċjal tas-sena rispettivament Nathan Lee Xuereb u Sara Xuereb bħala ż-żewġ atleti żgħażagħ tas-sena rispettivament kif wkoll it-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo rappreżentat mill-vice captain Matthew Zammit .
Dr.Katakis tenna l-impenn ta’ Maltco Lotteries Limited sabiex l-isport Malti jkompli jiżviluppa bi proġetti ta’ għajnuna għall-isport li l-istess Kumpanija wettqet matul l-aħħar snin.
Fi tmiem il-preżentazzjoni, Charles Camenzuli ppreżenta wkoll tifkira lil Dr.Katakis f’isem il-Kumitat Organiżattiv u l-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Leave A Comment