It-Tnejn filgħaxija f’Pariġi eżattament ġewwa l-ikona Franċiża tal-Mużew tal-Louvre saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Kungress tas-sena 2015 tal-AIPS l-entita’ u l-istituzzjoni internazzjonali tal-ġurnalisti tal-lsport madwar id-Dinja. Għaċ-ċerimonja tal-ftuħ kienu preżenti l-Ministru tal-Isport Franċiż Thierry Braillard, il-Preseident tal-AIPS Gianni Merlo u l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Franċiżi Jean Marc Michel fost l-oħrajn. Matul iċ-ċerimonja tal-ftuħ ġie kkonfermat li Pariġi se tkun qed titfa’ l-kandidatura tagħha sabiex torganizza l-Olimpijadi tas-sena 2024.
Gianni Merlo il-President tal-AIPS li tiġbor fiha l-Assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti tal-Isport tal-kontinenti kollha madwar id-dinja qal li dan kien kungress speċjali għaliex minkejja li ġie organizzat fi żmien qasir ħafna wara li tħassar il-pjan li jsir f’Monteviedo l-Urugwaj, xorta attendew għalih delegati minn 102 pajjiż. It-Taljan Merlo li ilu President mis-sena 2005 tenna fuq l-importanza li l-ġurnalist tal-Isport jibqa’ indipendenti jżomm l-identita’ tiegħu u jibqa’ jaħdem sabiex jinħoloq dibattitu fuq suġġetti ta’ interess ġenerali li jwassal sabiex in-nies jiffurmaw opinjoni u jidibattu bejniethom fuq l-isport li hu lingwa internazzjonali.
Fl-istes waqt ġie varat il-proġett tal-AIPS flimkien ma’ Abu Dhabi Media li permezz tiegħu f’bosta kategoriji tal-media tnediet kompetizzjoni internazzjonali li permezz tagħha għall-ewwel darba se jkunu ppremjati ġurnalisti minn kull settur tal-media sportiva. Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ftuħ kien hemm Dott. Ottavio Cinquanta President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ice Skating, kif ukoll ir-rebbieħa Olimpika f’erba’ edizzjonijiet tal-Olimpijadi il-Polakka Irena Szewinska illum President tal-Kumitat Olimpiku tal-Polonja. Malta f’dan il-kungress qed tkun rapreżentata mill-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Charles Camenzuli u mis-Segretarju Ġenerali Sandro Micallef. Matul l-ewwel sessjoni tal-Kungress it-Tlieta filgħodu Camenzuli mexxa s-sessjoni tal-kontinent ewropew bħala Segretarju Ġenerali tal-AIPS Europe.
Leave A Comment