DSC_1363

Issir iċ-ċerimonja tal-iSportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali

Il-Waterpolo jispikka fil-55 edizzjoni

F’serata mill-isbaħ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi ttellat edizzjoni oħra tal-IsportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali.

Is-serata li xxandret b’mod dirett fuq TVM2 ippremjat il-kisbiet sportivi tas-sena 2015.

B’kollox ġew ippreżentati xejn inqas minn 12 -il kategorija.

L-unur prestiġġjuż ta’ l-iSportiv tas-Sena rebħu l-player tal-Waterpolo Stevie Camilleri, waqt li l-atleta Charlotte Wingfield rebħet il-kategorija Sportiva tas-Sena.

Sara Xuereb tat-TenPin Bowling ġiet magħżula bħala żagħżugħa tas-Sena, bil-player promettenti tal-Waterpolo Ben Plumpton intgħażel bħala Żagħżugħ tas-Sena.

Is-suċċessi s-sena li għaddiet bil-kwalifikazzjoni storika għall-Kampjonati Ewropej wasslu lit-Team Nazzjonali A tal-Waterpolo jirbaħ l-award għat-team tas-Sena, bil-kowċ tal-istess team Karl Izzo jiġi magħżul bħala Kowċ tas-Sena.

L-unur tal-uffiċjal tas-sena rebħu r-referee tal-football Clayton Pisani.

Matthew Zammit il-player tal-waterpolo ta’ San Ġiljan u tat-team Nazzjonali intgħażel mill-pubbliku permezz ta’ votazzjoni bl-sms bħala r-rebbieħ tal-People’s Choice Award.

Ingħataw ukoll ir-rikonoxximent għall-atleta f’Għawdex mirbuħ minn Mario Saliba, waqt li l-kungress tal-FIBA Europe tal-Basketball intgħażel bħala l-avveniment tas sena.

Żewġ rikonoxximenti ukoll lil Special Olympics Malta, Warren Schembri rebaħ fil-kategorija tal-irġiel, min-naħa l-oħra, Shania Xuereb rebħet fil-kategorija tan-Nisa.

Sadanittant waqt is-serata kien hemm diskorsi tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Chris Agius, ic-chairman ta’ Sport Malta Luciano Busuttil, il-Kap Eżekuttiv Mark Cutajar, u Charles Camenzuli f’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports.