DSC_1221

Messaġġ mill-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Charles Camenzuli  fl-okkażjoni tas-Serata Finali tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali:

Kollegi fl-Isport,

Is-sena 2015 kienet waħda importanti għall-isport Malta u wisq aktar għall-media tal-isport.

Kienet sena li matulha atleti u ufficjali Maltin kejjlu l-kapaċitajiet tagħhom fuq livell internazzjonali  bosta minnhom wkoll b’ suċċess . Parteċipazzjoni u suċċess li iżda jkabbru r-responsabilta’ li l-istess atleti għandhom lejn l-assoċjazzjoni rispettiva tagħhom u lejn il-pubbliku sportiv Malti.

Meta jasal is-suċċess il-pubbliku sportiv bir-raġun jibqa’ jippretendi aktar.

Huwa f’dan il-mument li l-media tal-isport trid tagħraf tħoss il-polz tal-pubbliku.

Wasal iż-żmien li nibdew nidentifikaw u nikklassifikaw liema huma dawk ir-riżultati u kompetizzjonijiet li jkun jixirqilhom attenzjoni. L-istess assoċjazzjonijiet għandhom wkoll jimmaturaw.

Ma jistax ikun illi wieħed jippretendi rikonoxximent ta’ kull riżultat li għax miksub barra pajjiżna jsir elogju żejjed u meta wieħed iwettaq riċerka jsib li l-kompetizzjoni kienet ta’ livell inferjuri .

Wasal iż-żmien li anke l-istess assocjazzjonijiet jibdlu l-mentalita’ għal mod kif jirreferu għal  success bħala ‘ medalja tad-deheb – fidda jew bronz ’ flok li jgħidu ġie l-ewwel , it-tieni u t-tielet.

Ejja nħallu klassifikazzjoni ta’ medalji fuq kompetizzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti mill-Kumitati Olimpiċi jew minn Federazzjonijiet internazzjonali li jorganizzaw Kampjonati Ewropej jew tad-dinja. Kull kompetizzjoni oħra hija sekondarja. Hemm wieħed irid juri maturita’ kif jikklassifika ċerti riżultati u mhux kollha f’keffa waħda.

Daqstant ieħor hemm lok fejn il-media tal-isport tiżviluppa. Jiddispjacini meta anke f’dawn l-iSport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali ninnota li biċ-ċar mhux il-kollegi kollha jsegwu l-isport kif nixtieq. Inutili bħala Għaqda Ġurnalisti Sports norganizzaw korsijiet u workshops jekk l-istess media tal-isport ma tkunx kapaċi ssegwi veru mill-qrib dak li d-dixxiplini kollha jkunu qed iwettqu. Huwa fatt illi filwaqt li daħlet responsabilta’ fis-sens li f’kull stadju ta’ dawn l-Għażliet il-vot huwa dejjem dikjarat, hemm lok kif mis-sena d-dieħla għandu jsir għarbiel ta’ min huwa veru dehn li jivvota.

L-Isport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali, li jafu l-bidu taghhom fl-1960 mill-eks kollega Benny Pace u aktar tard żviluppati mill-Ghaqda Kittieba Sports  għadhom u jibqgħu l-ogħla unur li sportiv –  sportiva – team – uffiċjal jew kowċ jimmira fil-karriera.

Malta għandha l-unur li hija fost l-eqdem fl-Ewropa li tat bidu għal dawn l-Għażliet li bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom kienu u jibqgħu joħolqu interess.

Flimkien ma’ SPORT MALTA – din is-sena l-Għaqda Ġurnalisti Sports setgħet mill-ġdid torganizza din il-festa ta’ sport. Festa ta’ sport li għandha tibqa bħala festa ta’ Sport u mhux għodda li wieħed għandu jinqeda biha għal skopijiet ulterjuri jew għal glorja personali.

Sa ftit sigħat ilu flimkien mal-kollega Sandro Micallef , minkejja fi rwol differenti kont għal Kungress tal-Assocjazjoni Dinjija tal-Ġurnaliżmu AIPS f’Doha l-Qatar. Kien Kungress importanti minn diversi aspetti iżda l-aktar għad-Dikjarazzjoni li tfasslet u li tiġbor fiha il-ġlieda għat-trasparenza fl-isport u għall-indipendenza sħiħa tal-media tal-isport.

Nafu kemm l-isport kiber kemm f’dik li hija kultura, ekonomija jew ħajja socjali – sfortunatament bosta drabi dan sar a skapitu tal-valuri etiċi tal-isport. Bħala media tal-isport nesiġu ferm aktar trasparenza u azzjoni minn min imexxi u minn min jipprattika l-isport. Il-Media tal-isport tibqa’ l-aqwa mezz jekk wieħed irid veru jissokta l-ġlieda kontra d-doping, razziżmu, tbagħbis ta’ partiti u riżultati u fuq kollox il-mod illegali tal-imħatri li direttament sabu post f’kull qasam tal-isport u f’numru kbir ta’dixxiplini sportivi.

Donnu d-dikjarazzjoni tal-AIPS fil-Qatar għandha rabta mal-messaġġ li l-mistieden specjali tal-lum irid iwassal. Diġa’ saret riferenza mill-preżentatur dwar ir-rwol ta’ Simone Farina .

Prima che vengo al termine del mio indirizzo con piacere colgo l’occasione per ringraziare Simone Farina d’aver accetato di partecipare a questa festa di sport.

Noi che viviamo li sport ringraziamo Simone d’aver detto NO alla falsita’ e al calcio truccato.

Il tuo coraggio e il nostro impegno per vivere e avere uno sport piu pulito.

Fl-aħħar nirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fi ħdan il-Kumitat Organizattiv immexxi mis-Sur Mark Cutajar li żgur is-snin li għamel fil-media huma garanzija biex dejjem jifhem il-bżonnijiet komuni għaż-żewġ entitajiet.

Żgur li x-xogħol imwettaq kien immens u bla ma nsemmi ismijiet nirringrazzja lil kull wieħed u waħda li bis-saħħa tagħhom din il-35 Edizzjoni ta’ dawn l-Għażliet setgħet tkun suċċess.

Grazzi lil kulħadd.

Charles Camenzuli

President – Ghaqda Gurnalisti Sports