HZAP6857[1]

F’Doha il-Qatar bejn is-7 u l-11 ta’ Frar tlaqqa d-79 Kungress tal-AIPS l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Media Sportiva, fejn ġew diskussi bosta suġġetti u ttieħdu deċiżjonijiet importanti.

Il-Kungress fit-tmiem tiegħu wasal sabiex appoġġja dikjarazzjoni li kienet imressqa mill-President tal-AIPS Gianni Merlo f’isem l-Ezekuttiv. Din id-dikjarazzjoni saret fid-dawl tal-fatt tas-sitwazzjoni imwera li jinsab għaddej minnha l-isport internazzjonali.

Id-dikjarazzjoni tgħid hekk:

Il-Membri ġurnalisti sportivi kollha tal-AIPS għandhom:

1) Jirrifjutaw li jkunu assoċjati ma’ kull attivita’ kriminali li hi ta’ theddida għall-isport.

2) Jitolbu trasparenza u fair play mill-atleti kollha, uffiċjali u parteċipanti.

3) Jippromwovu rivoluzzjoni kulturali magħmula fuq attitudni pożittiva, talent u fair play

4) Jinkoraġixxu l-liberta’ tal-espressjoni u l-indipendenza għall-integrita’ u l-valuri tal-Isport u jiffaċilitaw il-professjoni nobbli tal-ġurnalist sportiv.

Fit-tielet jum tal-Kungress kienet diskussa l-possibilita’ ta’ introduzzjoni ta’ kwota għar-rapreżentanza ta’ nisa fl-Eżekuttiv tal-AIPS. Meta tressqet mozzjoni sabiex ikun emendat l-Istatut tal-AIPS u tiddaħħal din il-klawsola l-maġġoranza  tal-pajjiżi ivvutaw kontra. Malta vvutat kontra wkoll din il-mozzjoni għaliex l-Għaqda Ġurnalisti Sports ma temminx li n-nisa għandhom ikollhom kwota sabiex isemmgħu leħinhom. L-Għaqda ġurnalisti Sports temmen ma m’għandux ikun hemm limitu stabillit u anzi temmen li hawn ħafna ġurnalisti nisa kapaċi jagħtu l-kontribut tagħhom fl-AIPS u għalhekk il-kwota ta’ żewġ rapreżentanti nisa mhiex ġusta fil-konfront tan-nisa. Għaldaqstant kien hemm qbil li dan is-suġġett jerġa’ jkun diskuss fil-futur qarib sabiex ferm iktar nisa jkunu mħġeġġa’ jgħinu fl-amministrazzjoni tal-AIPS u mhux ikunu hemm biss permezz ta’ kwota.

Waqt il-Kungress tlaqqgħu wkoll is-sezzjonijiet kontinentali b’dik tal-UEPS li tiġbor fiha l-pajjiżi Ewropej tivvota favur is-sħubija tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Kosovo li issa ġew aċċetati bħala membri tal-AIPS. Rwanda ġiet affiljata mill-ġdid filwaqt li tressqu għas-sħubija l-applikazzjonijiet ta’ Sri Lanka u Botswana.

Waqt dan il-kungress l-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet rapreżentata mill-President Charles Camenzuli li hu wkoll is-Segretarju Generali tal-AIPS Europe – UEPS u minn Sandro Micallef Segretarju Ġenerali tal-GħĠS.

Il-Kungress li jmiss fl-2017 li għandu jkun wieħed li matulu ssir l-elezzjoni sas-sena 2021 għandu jsir fi Peongchang u Seoul , Korea u fl-2018 f’Antalya, Turkija.