Bejn l-20 u t-22 ta’ Frar l-attenzjoni tal-medja tal-isport fl-Ewropa ser tkun fuq il-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv tal-AIPS Europe li se jsiru hawn Malta. L-organiżazzjoni tal-laqgħat ġiet fdata lill-Għaqda Ġurnalisti Sports fil-Kungress tal-AIPS li sar fil-Qatar fi Frar 2016.
AIPS Europe – Malta2017 ser ikunu l-aħħar laqgħat qabel it-80 Kungress tal-AIPS li għandu jsir f’Mejju ta’ din is-sena f’Seoul u Pyeongchang fejn fl-istess Kungress għandha ssir l-elezzjoni tal-AIPS Europe u AIPS għall-perjodu 2017-2021.
Preżenti għal laqgħat li għandhom isiru hawn Malta wħud mill-aqwa ġurnalisti tal-Isport fl-Ewropa fosthom Dr. Ioannis Daras (Greċja) li huwa wkoll il-President attwali, Lev Rossoshik (Russja) – Vici President, Murat Agca (Turkija) Teżorier kif wkoll il-membri Nastassja Marynina (Belarus), Gianfranco Coppola (Italja), Predrag Milinkovic (Serbja) Eldar Ismaylov (Azerbaijan), Guenter Pfeistlinger (Awstrija) u Charles Camenzuli – President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li huwa wkoll Segretarju Ġenerali tal-AIPS Europe.
It-tema ewlenija fil-laqgħat li għandhom isiru Malta ser tkun it-tħabbir uffiċjali tal-kandidati għall-elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv. Preżenti Malta ser ikun hawn Gyorgy Szollosi (Ungerija) bħala Direttur tal-ewwel AIPS Europe Sport Media Summit li għandu jsir f’Budapest f’Marzu kif wkoll Alan Gasperoni (San Marino) li huwa responsabbli mill-media fl-edizzjoni li jmiss tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa li għandhom isiru f’San Marino.
Fl-istess waqt l-Għaqda Ġurnalisti Sports ser torganizza Seminar Nazzjonali għall-Media bil-kelliema ewlenin ikunu Nastassja Marynina dwar it-tieni edizzjoni tal-Logħob tal-Ewropa 2019 li għandhom isiru f’Minsk, Predrag Milinkovic li huwa l-aktar ġurnalist espert fl-avveniment tas-sewqan ta’ Dakar kif wkoll Dr. Ioannis Daras dwar l-aħħar żviluppi tad-drittijiet tal-media u televizjoni f’avvenimenti internazzjonali.
Ser tkun wkoll organizzata l-ewwel esibizzjoni ta’ Fotografija Sportiva bil-parteċipazzjoni ta’ tnax –il fotoreporter membri tal-GħĠS li dettalji dwarha jingħataw fil-ġranet li ġejjin.
Għal dan l-avveniment l-GħGS nhediet wkoll il-logo uffiċjali li ser jintuża fl-attivitajiet ufficjali kollha.
Leave A Comment