L-Għaqda Ġurnalisti Sports tingħaqad mal-pajjiżi affiljati mal-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Media tal-Isport billi tfakkar il-Jum Dinji tal-Ġurnaliżmu tal-Isport. Illum aktar minn qabel ir-rwol tal-media tal-isport huwa differenti minn kif kien fil-passat kemm f’dak li huwa l-mod kif titwassal l-aħbar u wisq aktar dwar it-temi attwali li l-media tal-isport għandha d-dover u risponsabilta’ li tittratta b’mod ġust u fattwali.
Il-media tal-isport f’pajjiżna ma tistax tibqa’ lura milli taġġorna ruħha u tagħraf tgħażel x’hemm wara l-aħbar li titwassal u għal xhiex l-istess aħbar trid titwassal. L-argumenti attwali dwar il-‘fair play’ , il-kunċett ta’ parteċipazzjoni minn kull min iħobb l-isport, il-ġlieda kontra d-doping u r-razziżmu kif wkoll il-ġlieda għal sport nadif u nieqes minn korruzzjoni u tbagħbis ta’ riżultati huma fatturi li l-media tal-isport trid taħdem dwarhom biex teduka u tkun ta’ sors ta’ riferenza għal kull min isegwi programmi jew paġni tal-isport fil-ġurnali.
Daqstant ieħor filwaqt li r-relazzjoni ma’ min imexxi l-isport f’pajjiżna u barra pajjiżna għandhom jitkattru għal ġid ta’ kull entita’ konċernata, il-media tal-isport m’għandha qatt tibqa’ lura fil-ġlieda għal ħarsien tad-drittijiet tal-media tal-isport u titlob li min huwa responsabbli mit-tmexxija ta’ azjendi jgħaraf wkoll dan id-dritt .
Fl’istess waqt l-Għaqda Ġurnalisti Sport tingħaqad ma’ assocjazzjonijiet internazzjonali tal-media tal-isport fl-appoġġ għal min f’dan il-qasam għaddej minn żmien diffiċli kemm fis-settur amministrattiv, tekniku jew ekonomiku.
Leave A Comment