L-Eżekuttiv il-ġdid tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kellu laqgħa uffiċjali mas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Dr Clifton Grima.

Matul din il-laqgħa Sandro Micallef President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports introduċa b’mod formali lis-Segretarju Parlamentari lill-membri kollha tal-Eżekuttiv il-ġdid li jirrapreżentaw firxa wiesgħa tal-media sportiva lokali.

 

 

Micallef wera sodisfazzjon li l-Gvern reġa’ għandu persuna li ġejja minn passat fl-amministrazzjoni tal-Isport li ġiet fdata bir-responsabilita’ tal-amministrazzjoni tal-Isport f’pajjiżna.

 

Is-Segrtarju Parlametari Clifton Grima tenna li fl-isfond tal-koperazzjoni li dejjem kienet fis-seħħ għal snin twal bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports, is-Segretarjat tal-Isport u SportMalta hu kien jinsab determinat li din ir-relazzjoni tkun estiża u msaħħa aktar fil-futur.

Fil-laqgħa ġew diskussi diversi materji fosthom l-organizazzjoni konġunta tal-Isportivi Nazzjonali flimkien ma’ SportMalta, il-kuntatt iktar kontinwu mas-Segretarjat u ħsibijiet dwar edukazzjoni kontinwa f’diversi livelli għall-ġurnalisti li diġa’ jipprattikaw din il-professjoni u oħrajn fosthom żgħażagħ li forsi jixtiequ jaqbdu din il-linja.

Preżenti għal din l-ewwel laqgħa uffiċjali kien hemm jakkumpanjaw lis-Segretarju Parlamentari Grima, Chris Bonett Senior Advisor fis-Segretarjat kif ukoll il-kap tas-Segretarjat Ryan Borg.