Ġurnalisti tal-Isport impjegati fil-qasam tal-media, coaches, referees, coaching staff u impjegati tal-MFA it-Tlieta filgħodu iltaqgħu għat-Tournament tradizzjonali li jsir l-għada tal-Milied. Kwadrangulari li jieħdu sehem fih teams iffurmati minn erba’ assoċjazzjonijiet, il-Malta Football Coaches Association, il-Malta Footballl Referees Association, il-Malta Football Coaches Association u l-Għaqda Ġurnalisti Sports.
 
Wara li s-sena l-oħra t-Tournament kien intrebaħ mill-MFA din is-sena r-rebbieħa kienu t-team tal-Malta Football Coaches Association li rebaħ it-tliet logħbiet tiegħu u spiċċa b’massimu ta’ 9 punti. Segwew it-teams l-oħra li kollha rebħu logħba waħda u tilfu tnejn.
B’kollox intlagħbu sitt logħbiet bit-team tal-coaches rebħu lill MFA 3-0, lil ġurnalisti 4-1 u rebħu wkoll l-aħħar logħba kontra r-referees 2-0.
 
Dan it-Tournament li ilu jkun organizzat għal snin twal mill-Għaqda Ġurnalisti Sports kien beda fis-snin 70 b’logħba tradizzjonali l-għada tal-Milied bejn il-Ġurnalisti tal-isport u r-Referees. L-Għan prinċipali ta’ din l-attivita’ hi li dawn li jaħdmu madwar il-logħba tal-football ikollhom l-opportunita’ li jiltaqgħu darba f’sena f’attivita differenti. Hekk kif sar fl-aħħar snin il-players u r-rapreżentanti tal-erba’ assoċjazzjonijiet li jieħdu sehem f’dan it-Tournament taw donazzjoni b’risq il-Fondazzjoni Community Chest Fund li kient preżentata aktar tard matul il-ġurnata waqt l-istrina. Is-somma miġbura u preżentata kienet ta’ €850.
 
Għal xi ħin fl-attivita’ ta’ filgħodu kienet preżenti wkoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li rringrazjat lil-dawk kollha li għal sena oħra reġgħu qamu kmieni l-għada tal-Milied sabiex f’atmosfera ta’ kompetizzjoni u solidarjeta’ jgħinu lil min hu fil-bżonn.
 
Fi tmiem it-Tournament Brian Said captain tat-team tal-coaches kien ippreżentat bix-Shield kommemorattiva bħala r-rebbieħa tal-Boxing Day Tournament 2017.
 
Riżultati:

MFA vs MFCA 0-3
GħĠS vs MFRA 2-0
GħĠS vs MFCA 1-4
MFA vs MFRA 0-2
GħĠS vs MFA 1-4
MFCA vs MFRA 2-0

Klassifika Finali: MFCA 9 punti; MFA, MFRA, GħĠS 3 punti