Proposti mressqa mill-Għaqda Ġurnalisti Sports sabiex il-Gvern jikkunsidra li jimplimenta fil-Budget 2019 li se jitressaq f’Ottubru / Novembru 2018.
- Il-Gvern għandu immedjatament itella’ s-settur tal-Isport fil-livell ta’ Ministeru sabiex ikun hemm sinjal ċar li issa l-Gvern ma jridx jibqa’ jaħdem biss permezz ta’ politika kontra l-obesita’ u favur l-aċċessibilita’ u taħriġ isusidjat lill-poplu, iżda wasal iż-żmien li jibgħat sinjal li l-Gvern issa jistenna riżultati tanġibbli f’kompetizzjonijiet fuq skala internazzjonali mill-atleti tagħna.
Jekk dan ma jkunx possibli fl-immedjat il-Partit fil-Gvern għandu jwiegħed fil-programm elettorali qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, li l-Isport jitla’ f’livell ta’ Ministeru u ma’ jibqax fuq livell ta’ Segretarjat.
- Il-Gvern permezz ta’ SportMalta għandu jidentifika bejn 10 u 12 –il Assoċjazzjoni Sportiva hekk meqjusa bħala ‘organizzati tajjeb’ u li l-Isport tagħhom jista’ fil-futur qarib jikseb riżultati tanġibbli fix-xena internazzjonali u jassenjalhom permezz ta’ secondment, persuna li jaħdem fiċ-ċivil u dan ikun l-Amministratur full time tal-Assoċjazzjoni. Dan għandu jsir wara sejħa interna fiċ-ċivil bil-kundizzjoni li l-ħaddiem jerġa’ lura fil-grad oriġinali tiegħu jekk jiddeċidi li jieqaf jaħdem mal-Assoċjazzjoni.
L-Assoċjazzjonijiet tal-Basketball MBA, tal-Handball l-MHA u l-Malta Racing Club m’għandhomx ikunu kunsidrati għal din l-iskema permess li diġa’ jibbenefikaw minn arranġament simili li jinsab in vigore. Il-proposta ma’ tapplikax l-anqas għall-MFA li għandha diġa’ mekkaniżmu tajjeb u amministraturi full time aktar milli hemm bżonn.
Is-suġġerimenti tagħna għal din it-tip ta’ skema huma dawn l-Assoċjazzjonijiet:
Atletika – MAAA
Għawm / Waterpolo – ASA
Tennis – MTF
Volleyball – MVA
Boxing – Kickboxing – MBA/MKBA
Snooker – MBSA
Rugby – MRFU
Sparar – MSSF
Motorsport – MMF
Tenpin Bowling – MTPF
Alternattivi:
Regatta – Għaqada Regatta Nazzjonali
Hockey – MHA
Weightlifting – MWA
Dixxiplini nklużi fil-GSSE Montenegro 2019:
(Atletika, Għawm, Basketball*, Judo*, Sparar, Table Tennis*, Tennis, Beachvolley, Volleyball, Bowls*)
NB: * Raġunijiet varji għaliex mhumiex fost il-lista proposta.
- Il-Gvern ikompli iżied il-budget għall-Isport għall-assistenza diretta lill-atleti b’miljun ewro fis-sena fuq medda ta’ ħames snin u ż-żieda fil-vot jkun irrispettivament jekk f’dik is-sena partikolari jkunx hemm kompetizzjoni internazzjonali bħal Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar eċċ. Fil-Budget li jressaq il-Gvern ta’ kull sena għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-vot għall-proġetti kapitali bħal faċilitajiet sportivi u l-vot li jmur direttament għall-assistenza u għat-taħriġ u pre-official competitions tal-atleti Elite.
Leave A Comment