F’Lausanne l-Iżvizzera bejn it-22 u l-24 ta’ Jannar sar it-82 Kungress tal-AIPS (Association Internationale de la Press Sportiv) li laqqa’ l-Media sportiva kollha ta’ madwar id-Dinja f’dan il-kungress li jsur kull sena.
F’dan il-kungress għall-ewwel darba twaqqaf Kumitat tal-Media Sportiva li tirrapreżenta l-Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. Din l-ewwel laqgħa kienet ippreseduta minn Charles Camenzuli President tal-AIPS Euorope u li fiha ġew maħtura bħala Chairman Todor Brajkovic mill-Montenegro u Erodotos Militiadous minn Ċipru bħala Segretarju Eżekuttiv. Fil-laqgħa ġie deċiż li l-kariga ta’ Chairman ta’ dan il-kumitat iddur kull sentejn u għandha tingħata lill-ġurnalist li jirrapreżenta l-pajjiż fejn se jkunu qed isiru l-Logħob kull sentejn.
Dan il-kumitat se jaħdem b’kollaborazzjioni sħiħa mal-Kumitati Olimpiċi ta’ Andorra, Ċipru, Iżlanda, Liechtenstein, Lussemburgu, Malta, Monaco, Montenegro u San Marino sabiex jiżgura li l-faċilitajiet fejn jintlagħb il-logħob ikunu aċċessibli għall-media u jilħqu l-ħtiġijiet tal-media moderna. Il-Kumitat se jkun qed jikkolabora mal-Kumitati Olimpiċi u speċifikament mal-Kumitat Olimpiku ospitu tal-logħob sabiex dawn il-Logħob jikbru aktar fil-popolarita’ tagħhom.
Fil-Kungress tal-AIPS kien hemm diversi punti ta’ diskussjoni fosthom l-aċċess liberu għall-media sportiva u l-ġurnaliżmu investigattiv.
Il-Kungress fetaħ bis-serata tal-ewwel edizzjoni tal-AIPS Sports Media Awards, konkors li kien suċċess u li kien imxandar ukoll dirett fuq diversi stazzjonijiet madwar id-Dinja.
Kienu diversi l-mistiedna distinti li attendew u indirizzaw dan il-Kungress fosthom, il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach, il-President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo Marius Vizer, id-Direttur tar-Referees tal-FIFA Massimo Busacca u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-FIFA Zvonimir Boban fost oħrajn.
Malta kienet rapreżentata fil-Kungress tal-AIPS mill-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef li kien akkumpanjat mis-Segretarju Organizattiv Antvin Monseigneur.
Iktar Ritratti minn hawn: https://www.facebook.com/AIPSMedia/
Leave A Comment