Il-Kummunità Sportiva tas-Siġġiewi s-Sibt filgħodu ngħaqdet għall-avveniment  uniku hekk kif iċ-ċentru sportiv tal-lokalità ingħata l-isem John Debattista Siġġiewi Sports Complex.

Kienet okażjoni unika hekk kif diversi nies li ħadmu mill-viċin ma’ John Debattista tul ħajtu f’diversi setturi kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-familjari tiegħu u jfakkru l-ħidma li għamel b’risq il-kommunità sportiva tas-Siġġiewi, fi ħdan l-Għaqda Kittieba Sports (illum Għaqda Ġurnalisti Sports) u f’diversi setturi oħra volontarji li John kien involut.

Preżenti fost oħrajn is-Sindku tas-Siġġiewi Dr Alessia Psaila Zammit, kunsilliera mil-istess lokalità, l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport l-Inġinier Ryan Callus, Carmelo Aquilina li ħadem ma’ John biex jitwaqqaf il-Club tal-Basketball u Charles Camenzuli President tal-AIPS Europe li ħadem għal snin twal ma’ John Debattista fl-assoċjazzjoni tal-ġurnalisti tal-isport. Preżenti wkoll uffiċjali tas-Siġġiewi FC, Siġġiewi FC Nursery, Siġġiewi Basketball Club u Siġġiewi Rowing Club li kollha ingħaqdu mal-familja estiża ta’ John li kienu preżenti nkluż l-armla tiegħu s-Sinjura Vivienne Debattista.

Sa minn ġimgħat wara l-mewt ta’ John Debattista, il-Kunsill Lokali  kien approva mozzjoni sabiex il-kumpless sportiv jisemma’ għalih. Wara diskussjoni mal-għaqdiet sportivi l-isem tpoġġa issa viżibilment fuq it-tabella ewlenija tal-Kumpless.

Dan l-avveniment kien orgnizzat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

MIN KIEN JOHN DEBATTISTA ?

Imwieled fis-27 ta’ Marzu 1943 – John Debattista kien wieħed mill-ewwel korrispondenti tal-waterpolo mill-1974-75 għal ġurnal In-Nazzjon Tagħna u Il-Mument filwaqt li mill-1977-78 beda wkoll jirraporta partiti tal-Kampjonat tal-Ewwel Divizjoni. Mit-28 ta’ Settembru 1991 meta fetaħ Radio 101 kien wieħed mill-korrispondenti ewlenin l-aktar għal partiti marbuta mal-Kampjonat tal-Ewwel Divizjoni u l-aħħar partita li kien irraporta kien fis-16 ta’ Novbembru 1997 meta dakinhar Siggiewi għelbu lil Marsa 5 – 0 .

Sentejn ilu fid-29 ta’ Novembru 2017 il-kommunità sportiva tas-Siggiewi u l-GħĠS fakkru l-20 anniversarju mill-mewt ta’ wieħed mill-uffiċjali ewlenin tal-Għaqda Kittieba Sports – (illum L-Għaqda Ġurnalisti Sports) JOHN DEBATTISTA. Huwa miet fi Praga fir-Repubblika Ċeka fejn kien qed jagħmel parti minn delegazzjoni Maltija tal-Bar Tenders Guild fejn l-għan tiegħu kien li jwaqqaf l-Assoċjazzjoni li tiġbor fiha l-Assoċjazzjonijiet tal-Isport ta’ Lukandi u Ristoranti fl-Ewropa. Il-funeral tiegħu kien sar fl-4 ta’ Dicembru 1997 fil-Knisja Parrokkjali tas-Siggiewi.

John Debattista mhux biss kien eks plejer ta’ Siġġiewi FC fis-snin 60 iżda wkoll Segretarju Generali u President għal aktar minn għoxrin sena u kien hu li waqqaf wkoll in-Nursery tal-football ta’ Siġġiewi FC. Kien wkoll għal bosta snin Viċi President ta’ Kirkop United FC. Fl-istess waqt fl-1975 kien wieħed mill-membri fundaturi u aktar tard Segretarju bejn 1975 – 1985 u President 1985 – 1993 ta’ Siggiewi Basketball Club.

Il-Kontribut ta’ John Debattista għall isport kien wieħed vast, membru fl-Eżekuttiv taċ-Ċentru Sport Edukattiv ta’ Fr.Hilary fejn bejn l-1981 u l-1985 mexxa l-kontinġenti fit-Tournaments internazzjonali Angelo Baiardo li dak iż-żmien kienu l-uniku impenn internazzjonali għal plejers żgħażagħ.

Fl-amministrazzjoni tal-ġurnaliżmu sportiv John Debattista jibqa’ mfakkar għas-snin li għamel bħala Teżorier tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali mill-1978 sa meta miet kif wkoll għal fatt li mill-1975 sal-1997 għamel parti mill-Kumitat Ezekuttiv tal-Għaqda Kittieba Sports kemm bħala Membru kif wkoll għal ħmistax -il sena Teżorier tal-istess Għaqda Kittieba Sports.

Debattista attenda l-Kungressi tal-AIPS f’ Baden Baden (1980), Ateni (1982), Barcelona (1986), Gotheburg (1989), Toronto (1990),Nicosia (1991), Budapest (1982), Istanbul (1993), Manchester (1994),Quebec (1995)Kuala Lumpur (1996), Oviedo (1997).

Għamel żmien bħala kunsillier fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u fl-1996 inħatar membru fil-Kunsill Malti għall-Isport.