F’kungress li sar f’Budapest fi tmiem il-ġimgħa, f’għeluq il-110 Anniversarju tal-għaqda ġurnalisti sport tal-Ungerija, Malta pparteċipat u kienet attiva matul it-tliet ijiem. Waħda mill-attivitajiet li saru kienet il-konferenza bl-isem ‘Empowering women in Sport and Media’.
Kienu bosta personalitajiet interessanti li qasmu l-esperjenza tagħhom bħala eks atleti femminili kif ukoll bħala ġurnalisti sportivi nisa li għadhom attivi fil-pajjiżi differenti.
Fosthom tkellmet Karoline Zobernig ġurnalista mill-Awstrija u nominata bħala l-aqwa ġurnalista sportiva fl-Awstrija. Hija sostnit dwar l-importanza li n-nisa jitkellmu bil-vuċi tagħhom u jingħataw spazju li jgħidu u jistaqsu dak li jixtiequ fil-programmi sportivi.
Mill-Uganda tkellmet Ritah Aliguma personalità pjuttost popolari fl-amministrazzjoni tal-Midja Sportiva fl-istess pajjiż. Hija wkoll mara li qiegħda taħdem u tgħin fl-iżvilupp tal-isport kif ukoll għad-drittijiet tan-nisa fl-Afrika permezz ta’ The Aliguma Foundation.
Tkellmet ukoll Adrienn Csepely ġurnalista sportiva fl-Ungerija kif ukoll membru fil-kummissjoni tan-nisa tal-futbol. Saħqet dwar l-importanza li n-nisa fl-isport ikunu dejjem kburin b’dak li jwettqu fil-qasam tagħhom.
Mill-Belarus qasmet l-esperjenza tagħha wkoll Nastassia Maryina li hija l-President tal-għaqda ġurnalisti sport fil-Belarus kif ukoll membru fl-Aips Europe.
B’karriera fil-midja tal-isport fl-Istati Uniti kif ukoll rebbieħa ta’ żewġ medalji tad-deheb fl-Olimpjadi f’Tokyo fl-1964, Donna De Varona tkellmet dwar kif is-sitwazzjoni kienet differenti fil-passat meta hi kienet pparteċipat fl-Olimpjadi. Hi temmet tgħid li kienu ħames dixxiplini biss dak iż-żmien li n-nisa setgħu jipparteċipaw fihom kif ukoll bosta diffikultajiet li kienet tiltaqa magħhom bħala mara dak iż-żmien fil-qasam tal-midja.
Katinka Hosszu waħda mill-aqwa għawwiema li rat l-Ungerija, rebbieħa ta’ tliet medalji tad-deheb fl-Olimpjadi f’Rio kif ukoll rebbieħa ta’ 7 medalji tad-deheb fil-kampjonati tad-dinja. Katinka qalet illi ta’ età żgħira kienu ħafna nies li qatgħulha qalba milli xi darba tista tagħmilha fin-nazzjonal aħseb u ara li tirbaħ xi medalja fl-Olimpjadi. Hija temmen li kulħadd għandu jaħdem għal dak li jixtieq u temmen li bil-persistenza xi darba jew oħra kulħadd jista jagħmilha fil-quċċata.
Mis-Serbja tkellmet Sonja Nikcevic fejn qalet li kienet bdiet permezz tal-Young Reporters Programme organizzat mill-Aips. Hija baqgħet taħdem biex issib pożizzjoni fl-amministrazzjoni ta l-isport, xogħol li dejjem xtaqet tagħmel fil-ħajja tagħha.
Fl-aħħar u mhux l-inqas personalità magħrufa u brava fil-qasam tal-isport u fl-Ungerija tkellmet Dr. Czusca Czsizstu finalista fil-ġinnastika fl-Olimpjadi tal-1988, waħda mill-aqwa preżentaturi tal-isport fl-Ungerija kif ukoll il-Viċi President tal-għaqda ġurnalisti sport fl-Ungerija u membru fl-eżekuttiv tal-AIPS.
Id-diskussjoni u d-dibattitu kien moderat mill-President tal-AIPS Europe u eks president tal-Għaqda Ġurnalisti Sport ta’ Malta Mr. Charles Camenzuli.
Il-kungress ġie fi tmiemu s-Sibt filgħaxija permezz tal-finali tal-UEFA Champions League tan-nisa bejn Barcelona u Lyon fl-istadium tal-Ferencvaros.
Leave A Comment