Daikin Qormi komplew minn fejn ħalew l-istaġun li għadda billi ħadu s-Super Cup, l-ewwel unur tal-istaġun tal-hockey. Iċ-ċampjins renjanti u r-rebbieħa tal-KO b’mod enfatiku xejnu l-isfida tar-rivali Sliema Hotsticks b’erba’ gowls għal xejn. Id-differenza bejn it-timijiet kienet sempliċi biżżejjed. Qormi ħadu l-opportunitajiet tagħhom waqt li Sliema Hotsticks ma ħaduhomx.
L-ewwel kwarta bdiet bil-kwiet hekk kif iż-żewġ naħat ħadmu biex joħorġu is-sadid mis-sistema tagħhom wara l-waqfa tas-sajf. Il-logħba qamet fl-aħħar ħames minuti tal-kwarta hekk kif il-gowlkeeper ta’ Qormi għamel save doppu biex salva r-riżultat. Daikin Qormi tellgħu l-ballun in-naħa l-oħor u mir-rebound ta’ short corner Luke Bajada tefagħhom fil-vantaġġ.
It-tieni kwarta għaddiet bi ftit ażżjonijiet denji ta’nota għalkemm għal darb’oħra Mifsud ċaħdu gowl lis-Sliema. It-tielet kwarta kienet vivaċi u bdiet b’Shaun Dimech u Luke Bajada ta’ Qormi li ma rnexxielhomx jegħlbu lil Ludwig Cole fil-lasta ta’ Sliema wara zball fid-difiża ta’ Sliema. Wara kien imiss lil Sliema biex ifallu sitwazzjoni favorevoli u għal darb’oħra, ħallsu qares meta Shaun Dimech spara ġewwa għat-tieni gowl tal-Qriema fit-35M. Qabel tmiem il-kwarta, l-istess Dimech falla ċans tajjeb għal Qormi.
Ir-raba’ kwarta rat lis-Sliema jagħmlu l-almu tagħhom biex isiebu gowl iżda baqaw ifallu fl-aħħar ta’l-azzjoni. Qormi min-naħa tagħhom kienu qed isibu ħafna spazju fl-attakk u fi spazju ta’ żewġ minuti għalqu l-iskor bil-gowls ta’ Keith Bajada (50M) u Zack de Giovanni (52M). Nathan Galea u Shawn Mifsud kienu l-umpires tal-logħba.
Wara l-partita, Sandro Micallef, il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports (sponsers tas-Super Cup) ippreżenta t-trofew lir-rebbieħa.
Qabel il-logħba, Gordon Mifsud, il-President tal-HAM ippreżenta lill-plejer ta’ Sliema Hotsticks Christ Agius bil-premju għall-HAM Player of the Year għall-istaġun 2018-2019.
Leave A Comment