Wara nuqqas ta’ tliet edizzjonijiet, l-atletika reġgħet rebħet waħda miż-żewġ kategoriji l-kbar fis-60 edizzjoni ta’ SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali. Iżda għall-ewwel darba, l-atletika rebħet kemm il-kategorija Sportiv tas-Sena kif ukoll Sportiva tas-Sena fl-istess edizzjoni, permezz ta’ Jordan Gusman u Lisa Marie Bezzina.
Gusman li rebaħ mal-ewwel okkażjoni li kien finalist, sar biss it-tieni atleta mill-atletika li rebaħ l-Isportiv tas-Sena wara Mario Bonello fl-1999. Bezzina fuq in-naħa l-oħra saret id-disa’ atleta femminili mill-atletika li rebħet l-unur tal-Isportiva tas-Sena. Iż-żewġ atleti kellhom sena simili ta’ xulxin. Huma fosthom rebħu t-tnejn it-tlielaq tal-5,000 u l-10,000 metru fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fil-Montenegro, b’Gusman jirbaħ ukoll il-fidda fl-1,500 metru. Lejn tmiem is-sena, Gusman kiser ir-rekord nazzjonali fl-10,000 metru filwaqt li Bezzina kisret ir-rekord nazzjonali tan-nofs maratona.
Il-kategoriji Żagħżugħ u Żagħżugħa tas-Sena ntrebħu minn Jake Muscat tal-waterpolo u Mya Azzopardi tal-għawm rispettivament. Fil-preżent, iż-żewġ atleti jinsabu barra minn xtutna biex itejbu l-kwalità fl-isport li jikkompetu fih. Din hi t-tieni darba fl-aħħar erba’ edizzjonijiet li plejer tal-waterpolo rebaħ din il-kategorija, bil-plejer Ben Plumpton kien rebaħ l-edizzjonijiet tal-2015 u l-2016. L-istess jingħad għal Azzopardi wara s-suċċess ta’ Lara Callus lura fl-2001.
Fil-kategorija Kowċ tas-Sena, Karl Izzo tal-waterpolo rebaħ dan l-unur għal rekord ħames darbiet. Izzo mexxa lit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena għall-kwalifikazzjoni u sussegwentament għat-12-il post fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew, kif ukoll wassal lit-tim nazzjonali tal-irġiel biex jikkompeti mal-aqwa 16 tal-Ewropa għat-tielet edizzjoni konsekuttiva.
Għall-ewwel darba, il-President tal-Aquatic Sports Association Joe Caruana Curran, rebaħ l-unur tal-Uffiċjal tas-Sena, wara li mexxa lis-settur tal-waterpolo kif ukoll tal-għawm għal titjib fir-riżultati. Fost ir-riżultati miksuba matul l-2019, it-tim nazzjonali tal-irġiel reġa’ kkwalifika għat-tielet edizzjoni konsekuttiva tal-Kampjonat Ewropew filwaqt li t-tim ta’ taħt is-17-il sena temm fit-12-il post fil-Kampjonat Ewropew. Fl-għawm, jispikka l-għaxar midalji miksuba fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
It-Tim tas-Sena ntrebaħ minn Elusive 2 li spikkaw fl-2019 bir-rebħ tal-40 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race. Għall-isport tal-ibburdjar, dan hu l-ewwel suċċess f’dawn l-Għażliet Sportivi Nazzjonali minn meta Benji Borg kien rebaħ l-unur taż-Żagħżugħ tas-sena fl-2003 u fl-2004.
Din is-serata kienet waħda speċjali hekk kif kienet is-60 edizzjoni mill-ewwel edizzjoni li kienet organizzata mill-mibki Benny Pace lura fl-1960. Dan l-anniversarju jaħbat ukoll f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Kittieba Sport, illum Għaqda Ġurnalisti Sport. Total ta’ tmien ġurnalisti ffurmaw il-ġurija li vvutat għas-seba’ kategoriji. Is-serata kienet preżentata minn Clinton Buhagiar u Catherine Micallef. Il-mistiedna speċjali kienu l-President tal-AIPS Gianni Merlo u l-eks għawwiema Ungeriża Agnes Kovacs.
Riżultati kollha
Sportiv tas-Sena: Jordan Gusman (Atletika) 115-il punt, Gianluca Chetcuti (Sparar) 78 punt, Keith Azzopardi (Kickboxing) 47 punt, Scott Muscat (Pool) 28 punt, Rodney Gatt (Żwiemel) 12-il punt
Sportiva tas-Sena: Lisa Marie Bezzina (Atletika) 111-il punt, Eleanor Bezzina (Sparar) 63 punt, Sue Abela (Ten Pin Bowling) 45 punt, Yazmin Zammit Stevens (Weightlifting) 43 punt, Mya Azzopardi (Għawm) 18-il punt
Żagħżugħ tas-Sena: Jake Muscat (Waterpolo) 97 punt, Richard Schultheis (Ibburdjar) 68 punt, Jeremy Zammit (Atletika) 52 punt, Kayden Lagana (Ten Pin Bowling) 40 punt, Nico Sciberras (Sparar) 23 punt
Żagħżugħa tas-Sena: Mya Azzopardi (Għawm) 110 punti, Tenishia Thornton (Weightlifting) 83 punt, Helene Pellicano (Tennis) 35 punt, Sarah Chouhal (Atletika) 29 punt, Francesca Curmi (Tennis) 23 punt
Kowċ tas-Sena: Karl Izzo (Waterpolo) 103 punti, Jesmond Caruana (Weightlifting) 74 punt, Noel Mercieca (Kickboxing) 52 punt, Gabriel Dobre (Futsal) 26 punt, Edward Caruana Dingli (Sport Paralimpiku) 25 punt
Uffiċjal tas-Sena: Joe Caruana Curran (Sport Akwatiku) 98 punt, Terry Camilleri (Snooker) 63 punt, Bernard Vassallo (Basketball) 59 punt, Julian Bajada (Sport Paralimpiku) 32 punt, John Zammit (Ċikliżmu) 28 punt
Tim tas-Sena: Tim Elusive 2 (Ibburdjar) 93 punt, Tim Tony Drago/Duncan Bezzina (Snooker) 61 punt, Tim nazzjonali tal-irġiel (Waterpolo) 49 punt, Tim Sue Abela/Sara Xuereb (Ten Pin Bowling) 41 punt, Mr. Whippy Racing Team (Motorsport) 19-il punt, Tim Luxol (Futsal) 17-il punt
Unuri oħra: Atleta Maskili Special Olympics – Gareth Borg, Atleta Femminili Special Olympics – Naomi Axisa, Avveniment internazzjonali tas-sena Voomquest 2019 V2 Championship (Power Boats), People’s Choice Awards – Jake Vella
Leave A Comment