Il-weightlifter żagħżugħa Tenishia Thornton kienet dikjarata bħala r-rebbieħa tal- Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Marzu. Thornton li għandha 14-il sena kellha bidu tas-sena 2020 vera pożittiva hekk kif iddistingwit ruħha b’diversi rekords fl-‘age group’ tagħha u rekords Nazzjonali oħra fi ħdan il-Federazzjoni Maltija tal-Weightlifting.
Dan hu t-tielet unur li qed jingħata lill-atleti żgħażagħ Maltin b’inizjattiva konġunta bejn il-kumpanija Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. Qabel dan l-unur ta’ Marzu r-rebbieħa preċedenti kienu l-isprinter Rachela Pace fix-xahar ta’ Jannar u l-player tal-Pool Dejan Grech li rebaħ l-unur fi Frar.
Tenishia Thornton kienet spiċċat bħala runner up fl-għażla għall-unur kemm ta’ Jannar u anke għal Frar, għażla li ssir kull xahar minn panel ta’ tliet ġurnalisti tal-isport membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija COVID-19 l-GħĠS tixtieq tinforma lill-pubbliku li ġie deċiż li l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar jibqa’ jingħata. Kemm l-Għaqda Ġurnalisti Sports kif ukoll il-kumpanija Atlas Insurance huma konxji tal-fatt li l-attivitajiet kollha sportivi fil-pajjiż ġew kollha posposti jew kanċellati, għaldaqstant f’dan il-perjodu l-unur ma’ jistax jingħata esklussivament fuq bażi ta’ riżultati miksuba.
Kif spjegat fl-istqarrija għall-istampa maħruġa f’Jannar 2020 l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar huwa intenzjonat ukoll biex jippromwovi l-attivita’ fiżika u l-isport kompettitiv fi ħdan il-ġenerazzjoni żagħżugħa kif ukoll sabiex irawwem il-ġenerazzjoni żagħżugħa permezz ta’ role models sportivi.
Għaldaqstant fix-xhur li ġejjien il-panel tal-għażla tal-Għaqda Ġurnalisti se jkun qed janalizza l-attivitajiet tal-atleti żgħażagħ Maltin b’mod partikolari dawk li qed jagħtu kontribut lis-soċjetà l-iktar permezz ta’ attivitajiet online li qed jgħinu jippromwovu s-saħħa fiżika fost atleti oħra jew persuni fil-bżonn. Kemm l-Għaqda Ġurnalisti Sports kif ukoll il-kumpanija Atlas Insurance jemmnu li din hi opportunita’ tajba sabiex ikunu ppremjati individwi bi stejjer pożittivi li qed jagħtu kontribut lis-soċjeta’ f’dan iż-żmien straordinarju.
Atleti taħt il-21 sena kif ukoll assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi li jixtiequ jinnominaw ismijiet għal dan l-unur jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ email fuq info@maltasportsjournalists.com
Intant, ir-rebbieħa tal-award ta’ Marzu – il- weightlifter żagħżugħa Tenishia Thornton -riċentament irreġistrat refgħat impressjonanti waqt il-Malta International Weightlifting Open meta refgħet 55kg fl-isnatch u 70kg fil-clean & jerk għal total ta’ refgħa ta’ 125kg fil-kategorija tal-45kg. Waqt din il-kompetizzjoni Thornton kellha l-opportunita’ li tikkompeti u taqsam l-espjerjenza tagħha ma’ atleti oħra ikbar minnha fl-eta’ u ta’ fama mondjali li kienu f’Malta biex jippruvaw jiksbu l-punti neċċesarji biex jikkwalifikaw għall-Olimpijadi ta’ Tokyo 2020 hekk kif it-Tournament kien rikonoxxut mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Weightlifting l-IWF bħala ‘Olympic Qualifier event’.
Ir-riżultat ta’ Thornton waqt il-Malta International Open ma wasalx b’sorpriża. Dan għaliex f’Diċembru bi preparazzjoni għal dan it-Tourmanent hi kkompetiet għall-ewwel darba fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-15 –il sena f’Eliat l-Iżrael. Hemm hi rreġistrat refgħa totali ta’ 124kg fejn kisret ukoll diversi rekords Nazzjonali. Dawn ir-riżultati wasluha wkoll sabiex jirnexxielha tagħmilha fost il-finalisti fil-kategorija ta’ Żagħżugħa tas-Sena waqt l-edizzjoni li saret fi Frar li għadda tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali.
Il-preżentazzjoni tat-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Marzu flimkien mal-voucher minn stabbiliment ta’ materjal sportivi li hu abbinat ma’ dan l-unur saret minn Lorraine Cunningham, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Preżenti wkoll il-kowċ ta’ Tenishia u President tal-Malta Weightlifting Federation Jesmond Caruana.
Ritratto:
- Tenishia Thornton bit-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar.
- Tenishia Thornton flimkien ma’ Lorraine Cunningham Segretarja Ġenerali tal-GħĠS u Jesmond Caruana President tal-MWF.
Leave A Comment