It-Tenpin bowler Matthew Magro rebaħ l-unur tal-‘Atlas Youth Athlete of the month’ għax-xahar ta’ Ġunju 2020. Magro intgħażel bħala r-rebbieħ ta’ dan l-unur wara r-riżultati eċċezzjonali li kellu tul ix-xahar ta’ Ġunju fejn fost oħrajn irreġistra riżultati impressjonanti li rawh uffiċjalment isir l-iżgħar Tenpin bowler Malti li qatt għamel il-‘perfect game’.

Magro beda dan l-isport fl-eta’ ta’ tmien snin u baqa’ jittrenja bis-serjeta’ tant li llum il-ġurnata hu wieħed mill-aqwa players fix-xena tat-Tenpin blowling fi ħdan il-Malta Tenpin Bowling Association. Wara xejn inqas minn tliet xhur ‘il bogħod  mil-lanes,  Magro rritorna bil-kbir hekk kif fit-‘3 game’ tal-MTBA Cisk Lager Doubles League hu għamel punteġġ ta’ 756 series li kien jinkludi wkoll skor ta’ 300 jiġifieri ‘perfect game’ fl-ewwel ġimgħa tal-kompetizzjoni.

F’din il-kompetizzjoni Magro kien qed jilgħab f’team mal-player veterena, l-leġġenda Sue Abela. B’hekk fl-eta’ eżatta ta’ 18 –il sena u tmien xhur Magro sar l-iżgħar Tenpin bowler Malti li qatt irreġistra riżultat bħal dan fejn saħansitra żied ir-rekord personali wkoll bi 3 pins.

Wara din il-kompetizzjoni Magro ikkompeta f’kompetizzjoni oħra matul ix-xahar ta’ Ġunju fejn lagħab fl-MTBA Memorial li kienet kompetizzjoni fuq 6 game series. B’moral ferm għoli Magro iddomina mill-bidu nett din il-kompetizzjoni u kien l-uniku player li kellu punteġġ ta’ 1300 f’sitt logħbiet sabiex b’hekk għeleb b’9 pins lill-player ta’ 15 –il sena Nicholas Muscat li hu preżentament iċ-Champion lokali tal-kategorija ta’ taħt is-16 u t-23 sena.

Dan kien is-sitt unur li ingħata lill-atleta żagħżugħ lokali f’din l-inizjativa konġunta bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li jagħmlu l-atleti żgħażagħ tinkoraġġihom biex jibqgħu jittrenjaw fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.

Ir-rebbieħa tax-xhur preċedenti ta’ dan l-unur kienu dawn:

Rachela Pace (Atletika) – Jannar 2020, Dejan Grech (Pool) – Frar 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) – Marzu 2020, Jake Vella (Swimming) – April 2020 u Thomas Borg (Para swimming) – Mejju 2020.

Ta’ kull xahar l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance tistieden atleti ta’ taħt il-21 sena, l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet tagħhom sabiex jisottomettu nominazzjonijiet għal dan l-unur. Nominazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-email fuq info@maltasportsjournalists.com.

It-trofew ta’ Ġunju tal-Atlas Youth Athlete of the Month flimkien mal-voucher ta’ abbiljament sportiv li hu abbinat ma’ dan l-unur kienu ppreżentati lil Matthew Magro minn David Cassar Manager Business Development and Marketing ta’ Atlas Insurance.

Ritratti: Il-Preżentazzjoni lil Matthew Magro li rebaħ l-unur tal-Atlas Youth Athlete of the Month għal Ġunju 2020.