Imnedija it-30 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards, bi 18-il kategorija maħsuba biex jippremjaw l-isforzi tal-ġurnalisti fil-ħidma tagħhom u fl-istess waqt ikompli jgħolli l-livell tal-ġurnaliżmu lokali. 

Il-Kummissjoni Malta Journalism Awards fi ħdan l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, li minn din is-sena qed torganizza dawn l-unuri, wettqet numru ta’ tibdiliet u bl-inklużjoni ta’ kategoriji ġodda. Il-Kategoriji jkopru l-oqsma kollha tal-ħidma ġurnalistika bl-użu tal-mezzi kollha, bl-introduzzjoni tal-award ewlieni għall-aħjar ħidma ġurnalistika investigattiva. Imniedi ukoll l-unur għall-aktar ġurnalist promettenti li ilu jaħdem fil-qasam għal mhux aktar minn 4 snin u l-aqwa cartoon fost oħrajn. Il-Malta Journalism Awards se jirrikonoxxu ukoll ġurnalist/a li jkun serva fil-professjoni għal tul ta’ żmien permezz tal-Gold Award.

Għall-ewwel darba, l-awards qed jiġu organizzata minn Kummissjoni mwaqqfa fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-IĠM f’Ġunju li għadda biex tieħu ħsieb l-organiżazzjoni ta’ dawn l-awards b’mod awtonomu mill-Kunsill Eżekuttiv tal-IĠM. Il-Kummissjoni hi iffurmata minn Pierre Cassar li ħa ħsieb il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-awards imniedi is-sena l-oħra, Sando Micallef u Christian Peregin. Il-President tal-IĠM Sylvana Debono, s-Segretarju Ġenerali Nigel Mifsud u t-Teżorier Mario Schiavone ukoll jiffurmaw parti minn din il-Kummissjoni biex ikun żgurat li jkun hemm sinerġija mad-direzzjoni tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

It-30 Edizzjoni tal-Malta Journalism Awards se jirriflettu l-konsultazzjoni li saret mal-membri aktar kmieni din is-sena.

Ix-xogħlijiet sottomessi għall-edizzjoni ta’ din is-sena jridu jkunu pubblikati fis-sena 2019.

Is-sottomissjonijiet jistgħu isiru fuq is-sit igm.mt sa nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru 2020

Is-serata finali tal-Awards se ssir fl-14 ta’ Novembru 2020. 

Tista’ tara r-regoli fuq https://igm.mt/2020/09/14/malta-journalism-awards-30-rules-and-regulations/