Il-Kummissjoni responsabbli mill-Malta Journalism Awards fi ħdan l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM), tinsab għaddejja bl-aħħar tħejjijiet relatati mat-30 Edizzjoni tal-unuri li jippremjaw l-aqwa xogħol ġurnalistiku f’Malta. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tippremja ix-xogħol li sar matul l-2019, b’rekord ta’ 171 sottomissjoni.

Minkejja l-isfidi li ġabet magħha il-pandemija, il-Kummissjoni ħadet ħsieb li filwaqt li ssegwi l-istruzzjonijiet kollha mill-awtoritajiet tas-saħħa, xorta torganizza ċerimonja finali li fiha jitlaqqgħu l-persuni kollha li ssottomettew xogħolhom għal dawn l-unuri.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir nhar is-Sibt  14 ta’ Novembru 2020, fil-lukanda Corinthia San Ġorġ, San Ġiljan. Għall-ewwel darba, iċ-ċerimonja finali se tixxandar dirett fuq TVM2 mit-20:00hrs ‘il quddiem. Bi qbil ma diversi media houses, din se tixxandar dirett ukoll b’mod konġunt fuq il-paġni ta’ facebook ta’ dawn l-kumpaniji. L-għan wara #MJA30 hu li din tkun ċelebrazzjoni tal-ġurnaliżmu f’Malta.

#MJA30 sabet l-appoġġ ta’ diversi sponsors, ewlienin fosthom il-Bank of Valletta u Tech.mt li se jkunu l-isponsors uffiċjali tal-edizzjoni ta’ din is-sena.

Dawn l-unuri qed isiru bil-kollaborazzjoni ukoll ta’: Malta Gaming Authority, Malta Information Technology Agency, Broadcasting Authority, il-Fond għall-Kawżi Ġusti, Farsons Foundation, Malta Public Transport, Izibet, The Convenience Shop, s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji, Brittania Travel u Heritage Malta.