It-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena tal-Water Polo ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Mejju. Għall-ewwel darba kemm ilu jingħata dan il-premju, ġie magħżul tim minflok atleta individwali.
It-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena tal-Water Polo ġab suċċess ieħor għall-water polo f’pajjiżna meta kkwalifika bl-ewwel post fi Grupp Ċ għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew tal-LEN. Minkejja n-nuqqas ta’ logħob kompetittiv, spiċċaw fi dro ta’ 10-10 kontra Franza wara li kienu għelbu lill-Islovenja 17-4.
Il-Kampjonat Ewropew tal-LEN ta’ taħt il-15-il sena se jsir bejn l-4 u l-10 ta’ Lulju 2021 f’Loulé, fil-Portugall.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Mejju flimkien ma’ tifkira tal-okkażjoni ġew preżentati lill-14-il plejer tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena minn Matthew von Brockdorff Managing, Director u Chief Executive Officer ta’ Atlas Insurance. Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali u Stephen Azzopardi Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu preżenti wkoll għall-preżentazzjoni.
Ir-rebbieħa għal din is-sena 2021 s’issa kienu: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar, Mya Azzopardi (Swimming) – Marzu, Jeremy Zammit (Long-jump) – April.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
Leave A Comment