Fil-Berġa ta’ Kastilja, fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, kif ukoll ta’ parti mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, ingħataw it-trofej lill-plejer tal-Eightball Pool Dejan Grech bħala r-rebbieħ tal-Isportiv tas-Sena, u lill-plejer internazzjonali tal-Futbol Haley Bugeja bħala l-Isportiva tas-Sena. Dan hekk kif il-61 edizzjoni ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali ma setgħetx issir bħas-soltu, fil-preżenza ta’ bosta sportivi, minħabba l-Covid-19.
Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta t-trofej liż-żewġ sportivi u qal li dan l-unur jixhed l-impenn, il-professjonalità, u s-sagrifiċċju li jagħmlu ta’ kuljum. Saħaq li huma ta’ eżempju għal tfal u żgħażagħ oħra, li permezz tal-perseveranza u d-determinazzjoni tagħhom qed jagħmlu unur mhux biss għalihom iżda għal pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li permezz ta’ dan l-avveniment annwali jkunu jistgħu jiġu apprezzati s-suċċessi miksuba matul is-sena li għaddiet.
Huwa saħaq li d-deċiżjoni li dan l-avveniment isir fuq skala iżgħar ittieħdet b’rispett u rikonoxximent lejn dawk l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet li għamlu ħilithom u minkejja l-isfidi li ġabet il-pandemija, stinkaw biex jaraw li l-atleti tagħhom jibqgħu attivi u anke, fejn setgħu, organizzaw il-kampjonati nazzjonali rispettivi.
Leave A Comment