L-Atleta ta’ Pembroke Athleta, Jeremy Zammit, ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju. Zammit diġa’ rebaħ l-unur f’April wara li kien kiseb il-midalja tad-deheb fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena fit-tielet edizzjoni tal-EAP International Meeting li sar f’Katanja.
Fix-xahar ta’ Lulju Jeremy Zammit kompla jikteb ismu fl-istorja meta għamel qabża tajba ta’ 7.58 metri u sar l-ewwel Malti li għadda għall-finali tal-Kampjonati Ewropej tal-long jump li saru f’Talinn l-Estonja. Huwa spiċċa fil-ħames post fil-finali, meta għamel qabża ta’ 7.62 metri li huwa wkoll rekord nazzjonali ġdid. Din il-qabża kienet tliet ċentimetri biss anqas mir-rekord dinji miksub fl-kategorija ta’ taħt it-18-il sena.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju flimkien mal-abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Jeremy Zammit minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u Chief Executive Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu preżenti wkoll għall-preżentazzjoni l-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Ir-rebbieħa għal din is-sena s’issa kienu: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar u Mya Azzopardi (Għawm) – Marzu, Jeremy Zammit (Long Jump) – April, it-Tim Nazzjonali U15 tal-Waterpolo – Mejju u Sasha Gatt (Għawm) – Ġunju.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com.
Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Leave A Comment