It-tim nazzjonali tan-Nisa ta’ taħt is-17-il sena tal-Water Polo ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu. Bħal fil-każ tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena tal-Irġiel tal-Water Polo, f’Mejju li għadda, ġie magħżul tim minflok atleta individwali.

It-tim rebaħ l-ewwel logħba storika tiegħu fil-kampjonati Ewropej tal-LEN ta’ din il-kategorija. 19-il pajjiż ħa sehem fil-LEN Women’s European U17 Water Polo Championships li saru f’Sibenik il-Kroazja. It-tim Malti fi Grupp Ċ kien mal-istess Kroazja, il-Ġermanja, ir-Rumanija u r-Russja.

It-Tim Malti mmexxi mill-kowċ Anthony Farrugia, wara li tilef kontra l-Kroazja l-Ġermanja, rebaħ kontra r-Rumanija bl-iskor ta’ 11-8.

B’din ir-rebħa, it-tim Malti kellu ċ-ċans li jilgħab l-aħħar logħbiet ta’ klassifikazzjoni ta’ bejn it-tlettax u s-sittax-il post. Meritatament il-Maltin għelbu lill-Bulgarija 10-9 u spiċċaw din il-kompetizzjoni fil-ħmistax-il post.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu flimkien ma’ tifkira tal-okkażjoni ġew preżentati lill-plejers kollha tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u Chief Executive Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu preżenti wkoll għall-preżentazzjoni l-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Ir-rebbieħa għal din is-sena s’issa kienu: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar u Mya Azzopardi (Għawm) – Marzu, Jeremy Zammit (Long Jump) – April, it-Tim Nazzjonali U15 tal-Waterpolo – Mejju, Sasha Gatt (Għawm) – Ġunju u Jeremy Zammit (Long Jump) – Lulju.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com.

Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Waqt din l-istess preżentazzjoni, il-baħħar żagħżugħ Richard Schultheis ingħata t-trofew ferm mistenni taż-Żagħżugħ tas-Sena, li kien rebaħ f’Marzu waqt l-iSportMalta Awards L-Għażliet Sportivi Nazzjonali. Huwa rritorna f’Malta proprju lbieraħ, wara li kien ilu barra minn Ġunju u għalhekk ma setax ikun preżenti għall-preżentazzjoni li kienet saret lir-rebbieħa l-oħra.