L-atleta tal-Għawm Artistiku Zea Montfort, ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Settembru. Montfort fil-kategorija ta’ bejn it-13 u l-15-il sena, ħadet sehem flimkien mat-Tim Nazzjoanli tal-Għawm Artistiku, fl-ewwel edizzjoni tal-European Youth Artistic Swimming Championships & Mediterannean Artistic Swimming Cup 2021 li saret f’Rijeka, fil-Kroazja, bejn is-7 u t-12 ta’ Settembru.
Malta kellha kompetizzjoni iebsa mar-Russja, Spanja, l-Olanda, il-Gran Brittanja, in-Norveġja u l-Italja. Minkejja li l-atleti l-oħra huma aktar ta’ esperjenza, Zea Montfort irnexxielha tagħmilha sal-finali. Bħala solo, Zea Montfort ġiet fis-seba’ post fir-ranking tal-Comen. Meta tgħaqqad ir-rankings tal-Comen u dawk Ewropej, hija ġiet fl-14-il post minn 20.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Settembru flimkien mal-abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Zea Montfort minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u Chief Executive Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien jemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Ir-rebbieħa għal din is-sena s’issa kienu: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar, Mya Azzopardi (Għawm) – Marzu, Jeremy Zammit (Long Jump) – April, it-Tim Nazzjonali U15 tal-Waterpolo – Mejju, Sasha Gatt (Għawm) – Ġunju, Jeremy Zammit (Long Jump) – Lulju, it-Tim Nazzjonali U17 tan-Nisa tal-Waterpolo – Awwissu.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com.
Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Leave A Comment