Wara konsultazzjoni mal-Malta Football Association (MFA), il-Malta Football Referees Association (MFRA) u l-Malta Football Coaches Association (MFCA), l-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) iddeċidiet li b’responsabiltà għat-tieni sena konsekuttiva tipposponi t-turnament tradizzjonali ta’ Boxing Day, li ilu jsir għal diversi snin. Dan it-turnament kwadrangolari isir bejn it-timijiet tal-futbol maghmula minn ġurnalisti sportivi, kowċis, staff tal-MFA u referis.
L-Eżekuttiv tal-GħĠS iddecieda li jieħu din id-deċiżjoni wara illi qies is-sitwazzjoni preżenti tal-każijiet tal-COVID-19 li qed jiżdiedu f’dawn il-jiem. Għaldaqstant kien biss raġunament ovvju, li b’sens ta’ responsabiltà ma’ dawk kollha involuti fil-futbol lokali, ġustament ma jitkomplewx isiru il-preparamenti għal dan it-turnament, li fih issoltu kienu jinġabru donazzjonijiet għall-Istrina.
L-GħĠS twiegħed li se tipprova tagħmel ħilitha kollha, jekk iż-żmien ikun jippermetti sabiex dan it-turnament jiġi organizzat fil-futur qrib.
Leave A Comment