Hekk kif jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparazzjonijiet għat-62 edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali, il-Kumitat Organizattiv jista’ jikkonferma li fost il-mistednin internazzjonali din is-sena se jkun hawn f’Malta il-Viċi President tal-AIPS, il-Grieg Iannis Daras. Miegħu bħala mistieden ukoll tal-Għaqda Ġurnalisti Sports se jkun hawn il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Isport ta’ Ċipru Erodotos Miltiadous illi flimkien se jkunu qegħdin jassistu għall-edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali li se ssir nhar is-Sibt 23 ta’April u li se tkun qed tixxandar diretta fuq TVM News+ fid-20:45.
Is-serata finali se tkun qed tibda bir-Red Carpet fit-20:00 li se tkun qed jixxandar fuq il-mezzi soċjali fuq il-paġni ta’ Facebook Malta Sports Journalists Association u Be-Active SportMalta. Ir-Red Carpet se jkun qed jitmexxa minn Lorraine Cunningham u Clinton Buhagiar. Il-preżentaturi tas-serata tal-edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali ta’ din is-sena se jkunu ż-żewġ ġurnalisti ta’ TVM Sport Joanna Camilleri u Simon Farrugia.
Il-kategoriji standard fl-Isportivi Nazzjonali huma:
Sportiv tas-Sena
Sportiva tas-Sena
Żagħżugħ tas-Sena
Żagħżugħa tas-Sena
Tim Tas-Sena
Uffiċjal tas-Sena
Kowċ tas-Sena
Attività Internazzjonali tas-Sena
Ma’ dawn jiżdiedu wkoll il-People’s Choice Award u żewġ rikonoxximenti speċjali li jingħataw lill-atleti ta’ Special Olympics.
Aktar informazzjoni dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkiseb minn fuq il-paġna ta’ Facebook Malta Sports Journalists Association u anki minn fuq il-website www.maltasportsjournalists.com.
Il-Grieg Iannis Daras – Viċi President tal-AIPS Erodotos Miltiadous – President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Isport ta’ Ċipru
Leave A Comment