Il-Malta Fair Play Movement ħabbar it-tmien TGS Fair Play Award, b’kolaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Together Gaming Solutions. Il-panel li jiġġudika dan il-premju huwa magħmul minn Charles Camenzuli, Adele Muscat, Pierre Cassar, Kevin Joseph Azzopardi and Sandro Micallef. Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għal mod altruwistiku f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.
Ir-raba’ unur għas-sena 2022, li jkopri l-perjodu bejn Ottubru u Diċembru ngħata lil Dillon Cassar.
Waqt ġirja ta’ 10 kilometri li kienet tikkonsisti f’żewġ dawriet, sfortunatament wieħed mill-marshals ma kienx qiegħed f’postu. Din il-ġirja saret nhar il-Ħadd 16 ta’ Ottubru 2022.
Fl-ewwel dawra tat-tellieqa, waqt li Dillon Cassar kien qiegħed fuq quddiem flimkien mal-leading biker, induna li kien qed jingħata direzzjoni ħażina u b’hekk kien qed igawdi vantaġġ ta’ madwar 150 metru biex itemm id-dawra.
Ovvjament Cassar m’għamilx dan għax ried hu u għalhekk waqt din l-istess tellieqa, ġibed l-attenzjoni tal-leading biker u l-marshal u ngħata r-raġun.
Għaldaqstant, waqt li kien qed jagħmel it-tieni dawra, sabiex juri li ma kellu l-ebda intenzjoni li jieħu vantaġġ mill-iżball tal-marshal, minn jeddu ġera 200 metru iżjed biex jagħmel tajjeb għall-vantaġġ li seta’ ħa fl-ewwel dawra. Kemm l-organizatturi tat-tellieqa u kif ukoll il-leading biker ma stennewx dak li għamel Dillon Cassar.
Minkejja dan kollu, Dillon Cassar xorta rebaħ it-tellieqa, f’ħin ta’ 30 minuta u 36 sekonda.
“Ġest li għandu jkun imfaħħar. L-onestà timxi id f’id ma’ kull sport. Dawn il-valuri għandhom ikunu mrawwma f’kull atleta. Prosit tassew Dillon,” qal Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions.
Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, u Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement, filwaqt li għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.
Ritratt: Benjamin Delsinger (Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions) jippreżenta t-trofew tat-TGS Fair Play Award għal Ottubru – Diċembru 2022 lil Dillon Cassar (Mellieha Athletic Club).
Leave A Comment