Il-Kumpanija Together Gaming Solutions plc li hi bbażata Malta, u topera kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment taħt il-liċenzja maħruġa mill-Malta Gaming Authority, mill-ġdid reġgħet ħadet id-deċiżjoni li tgħin lill-industrija tal-isport lokali.
Din id-darba, l-kumpanija offriet li tgħin lil delegazzjoni mill-Għaqda Ġurnalisti Sports billi assistiet finanzjarjament żewġ uffiċjali sabiex jattendu l-Kungress tal-AIPS li se jsir f’Seoul fil-Korea t’Isfel, bejn it-8 u it-12 ta’ Mejju.
Il-President Sandro Micallef flimkien mas-Segretarju Ġenerali Lorraine Cuningham, tal-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS), iltaqgħu mas-sur Edward Licari, id-Direttur ta’ Together Gaming Solutions, sabiex jirringrazzjawh personalment talli għamel possibli il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Kungress ta’ din is-sena.
Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Sandro Micallef wera l-gratitudni tiegħu f’isem il-Kumitat Eżekuttiv għal din l-assistenza u stqarr li “Aħna għaqda volontarja b’finanzi limitati u li ma kienx għal din l-assistenza diretta finanzjarja minn TGS stajna tlifna dan il-Kungress importanti li se jsir f’Seoul. Inħares ‘il quddiem sabiex kumpaniji oħra lokali jimxu mal-eżempju ta’ TGS u jinvestu f’għaqdiet lokali sportivi, f’atleti u amministraturi.”
TGS hija magħrufa għall-programm tas-Social Corporate Responsibility li jimxi fuq l-istess linji tax-xogħol volontarju li jsir mill-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Together Gaming Solutions u l-Għaqda Ġurnalisti Sports ilhom jaħdmu flimkien mal-Malta Fair Play Movement fejn riċentament reġa’ tqajjem il-kunċett tal-Malta Fair Play Award li jingħata kull tliet xhur.
Leave A Comment