It-Tim Nazzjonali Malti ta’ taħt it-tmintax-il sena tal-Pool ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju. Din hija t-tieni darba għal din is-sena, li dan l-unur qed jingħata lil tim.
It-tim Malti ffurmat minn Steve Muscat, Nick Muscat, Chaylon Castaldi, Jake Castaldi u Nordai Desira rebaħ il-kampjonat dinji tal-kategorija li kien sar f’Agadir, fil-Marokk. Fil-finali huma għelbu lit-tim tal-Afrika t’Isfel bl-iskor ta’ 8-7. Dan it-titlu ta’ champions tad-dinja kien il-frott ta’ wirja konsistenti matul it-tournament kollu. Dan is-suċċess miksub minn dan it-tim wasal wara li fi Frar li għadda kienu ġew inkurunati bħala champions Ewropej.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju 2023, flimkien ma’ tifkira tal-okkażjoni lill-plejers u t-Team Manager Vince Saliba, ġew ippreżentati minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO, u Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. Għall-preżentazzjoni kienet preżenti wkoll Lorraine Cunningham s-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: It-Tim Nazzjonali Malti ta’ taħt it-tmintax-il sena tal-Pool flimkien ma’ Lorraine Cunningham (MSJA), Vince Saliba u Vincent Degiorgio (Malta Pool Association), Matthew von Brockdorff u Robert Micallef (Atlas Insurance).
Leave A Comment