L-Għaqda Ġurnalisti Sports tagħmel referenza għall-artiklu ppublikat illum fil-ġurnal In-Nazzjon li ma kienx jitratta suġġett sportiv intitolat ‘Ma’ Alicia Bugeja ma’ taħdimx’ fil-ħarġa tat-Tlieta 3 ta’ Ottubru 2023.
Filwaqt li l-Għaqda Ġurnalisti Sports temmen u dejjem kienet favur il-liberta’ tal-espressjoni ma tistax taċċetta li ġurnalisti jattakkaw personalment ġurnalisti membri tagħha.
Fl-artiklu msemmi s-Sur Mark Attard li għadu attiv fil-media sportiva b’kummentarji regolari fuq l-istazzjon sportiv tal-PBS, ġie attribwit lilu aġġettiv li fl-opinjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u tas-settur tal-media sportiva hu dispreġjattiv u ta’ min jikundannah.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet u se tibqa’ favur ġurnaliżmu ħieles u ġurnaliżmu investigattiv u qatt mhu se tidħol fi kwistjonijiet ta’ politka partiġjana, iżda l-anqas qatt mhu se taċċetta li membri tagħha jkunu attakkati personalment jew iktar minn hekk ikun hemm tentattiv biex dawn jiġu redikolati.
Għaldaqstant l-Għaqda Ġurnalisti Sport qed tistenna li b’mod immedjat tinħareġ apoloġija u kjarifika fil-konfront tal-membru tagħha u qed tirriserva d-dritt li tieħu passi ulterjuri.
Leave A Comment