Fi tmiem Il-ġimgħa, ġie organizzat b’suċċess l-ewwel seminar indirizzat u ffukkat totalment fuq il-ġurnalisti sportivi nisa bl-isem ta’ Training Women Sports Journalists and Reporters to Work More at Ease In The Sports Media Industry.
Is-seminar li sar nhar is-Sibt li għadda f’lukanda ewlenija, kellu l-parteċipazzjoni ta’ diversi kelliema, fosthom ta’ Dr Zsuzsa Csisztu li hi ġurnalista u preżentatriċi ta’ fama fl-Ungerija, kif ukoll il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-iSport Ungeriża kif ukoll waħda mill-Viċi Presidenti tal-AIPS, l-Assocjazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti Sportivi. Hija wkoll avukat li tispeċjalizza fil-liġi tal-isport u tkellmet dwar id-diffikultajiet tagħha biex daħlet f’dan is-settur fejn kellha taffaċċja wkoll intimidazzjoni u anke attakki verbali, relatati mal-fatt li kienet waħda mill-ewwel nisa li ppreżentaw programmi dwar il-futbol fl-Ungerija. Qalet li kienet għamlet il-kuraġġ sabiex meta dawn l-attakki personali kienu qegħdin jeskalaw, għamlet il-pass kuraġġuż u fetħet kawżi legali kontra dawn l-individwi, b’kollox seba’ kawżi u li rebħithom kollha.
Csisztu tkellmet ukoll dwar l-importanza ta’ taħriġ għall-ġurnalisti nisa u l-importanza li jkunu involuti f’varjetà iktar wiesa ta’ programmi sportivi. Hi tenniet ukoll l-importanza li aktar nisa jingħataw spazju anki fil-qari tal-aħbarijiet sportivi. Hija tenniet ukoll li l-iktar ħaġa importanti hija li meta tfajla tkun interessata li tidħol f’dan il-qasam, għandha dejjem issib dak li jissejjaħ “mentor” li tafdah u li jiggwidaha bil-mod il-mod biex tidħol f’dan is-settur.
Aktar kmieni, tkellmet il-ġurnalista ta’ TVMSport Joanna Camilleri fejn qasmet l-esperjenzi tagħha u l-isfidi li kellha, kemm bħala atleta kif ukoll bħala ġurnalista sportiva. Hija saħqet li n-nisa għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet daqs l-irġiel. Hija żiedet li mara li tirnexxi m’għandhiex tkun ikkunsidrata li saret tajba daqs raġel, imma kisbet is-suċċess tagħha għax tħarrġet.
Tkellmet ukoll Lorraine Cunningham is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġuranlisti Sports li kienet waħda mill-ewwel ġurnalisti nisa Maltin illi dehru u nstemgħu fuq il-midja lokali fil-bidu tas-snin 90.
Is-seminar kien jinkludi wkoll diskussjoni minn panel iffurmat minn ġurnalisti u nisa involuti fil-midja sportiva, fosthom Janice Briffa minn TVMSport, Catherine Micallef lil hija Freelancer u taħdem
mall-Uefa bħala Venue Operations Broadcast Manager (VOBM) flimkien ma’ Vicky Licari eks-ġurnalista mal-PBS. Dawn ukoll ilkoll kemm huma qasmu l-esperjenzi tagħhom, fejn taw kuraġġ lil dawk preżenti biex ma jaqtgħux qalbhom u reġgħu saħqu wkoll fuq l-importanza ta’ taħriġ kontinwu.
Għas-seminar kienet preżenti wkoll il-Ministru għall-Inklużjoni, Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur, l-Onorevoli Julia Farrugia Portelli li wkoll għamlet diskors tal-okkażjoni.
Is-seminar ingħalaq b’diskorsi tal-President tal-AIPS Europe Charles Camenzuli li kien preżenti wkoll għal dan is-seminar u kif ukoll ta’ Sandro Micallef President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport.
Dan is-seminar seta’ jsir grazzi għall-fondi li l-Għaqda Ġurnalisti Sport irċeviet mingħand il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) permezz tal-iskema Training Initiatives Scheme u bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Inkluzjoni, Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Leave A Comment