Wara li rebħet l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Awissu, l-atleta tal-Karate Thia Thyis Antonelli rebħet l-Atlas Atleta Żagħżugħa tas-Sena 2023.

Hija rebħet dan l-unur prestiġġjuż wara votazzjoni minn panel ta’ tliet ġurnalisti mħallta mal-votazzjoni tal-pubbliku, li saret fuq il-midja soċjali matul dawn l-aħħar ġimgħat. Fit-tieni post overall ta’ dan l-unur spiċċaw l-atleta tat-track and field Graham Pellegrini u lt-triatleta Liam Daly. Din hija l-ewwel darba li Antonelli qed tirbaħ dan l-unur annwali. Matul is-snin, dan l-unur annwali mar għand Tenishia Thornton fl-2020 u fl-2022, filwaqt li Haley Bugeja fis-sena 2021.

Thyis Antonelli uriet l-kapaċitajiet tagħha fit-tieni edizzjoni tal-International Sport School Federation (ISF) U15 Gymnasiade 2023 Games li saru bejn il-21 u s-27 ta’ Awwissu f’Rio de Janeiro, fil-Brażil.

Thyis Antonelli ħadet sehem fl-kategorija tal-kadetti ta’ taħt il-15-il sena u l-fuq minn 54 kilo, fejn uriet ħila u determinazzjoni li bihom spiċċat l-ewwel post fil-grupp. Fil-finali hija għelbet lill-avversarju tagħha mill-Istati Uniti bl-iskor impressjonanti ta’ 8-1, li fisser midalja tad-deheb storika bħala l-ewwel atleta Maltija li kisbet dan is-suċċess waqt l-ISF Gymnasiade Games.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tas-Sena 2023 flimkien mal-voucher t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Thyis Antonelli minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u CEO flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.

Dan il-premju jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena. Ir-rebbieħa kollha ta’ kull xahar huma eliġibbli għall-unur annwali.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

 

Ritratt: Mix-xellug: Sandro Micallef President (MSJA), Matthew von Brockdorff (Atlas Insurance), Thyis Antonelli, Lorraine Cunningham (MSJA) u Robert Micallef (Atlas Insurance).