L-Għaqda Ġurnalisti Sports bi pjaċir tħabbar li r-raba’ unur għas-sena 2023 tat-TGS Fair Play Award, ġie mogħti lil George Muscat. Dan l-unur ikopri l-perjodu bejn Ottubru u Diċembru 2023.
Lejn tmiem it-tieni tiġrija li saret fil-Malta Equidrome nhar il-5 ta’ Novembru 2023, seħħ incident li ħafna ma ndunawx bih.
Id-debba Capuchin misjuqa miż-żagħżugħ Clint Gauci, inqalgħatilha r-ras li bil-konsegwenza ma setax jikkontrollaha. Li kieku ma kinitx għall-azzjoni f’waqtha ta’ George Muscat li nduna x’kien qed jiġri, seta’ ġie ikkawżat incident serju. Fil-fatt George Muscat li kien biż-żiemel Boom Boom Becker, meta ra dak li kien qiegħed iseħħ, saq viċin biżżejjed sabiex seta’ jaqbad lid-debba minn rasha u jwaqqafha u għalhekk ġie evitat kwalunkwe inċident.
Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions irrimarka li l-ġest f’waqthu ta’ George Muscat sabiex jgħin lill-kompetitur tiegħu waqt it-tiġrija huwa sinjal ċar ta’ sportività u altruwiżmu fl-aqwa tagħhom.
Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fil-preżenza ta’ Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions, fl-uffiċini tagħhom f’San Ġiljan. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement. Għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.
Ritratt: Charles Camenzuli (Chairman Malta Fair Play Movement) jippreżenta t-trofew tat-TGS Fair Play Award għal Ottubru – Diċembru 2023 lil George Muscat flimkien ma’ Edward Licari (Direttur ta’ Together Gaming Solutions) u Lorraine Cunningham (Segretarju Ġenerali GħĠS).
Leave A Comment