Bianca Shoemake (Hammer Throw – Atletika) u Nico Sciberras (Trap – Sparar) huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Mejju 2024.
L-atleta Bianca Shoemake, li għandha 16-il sena, kisbet kwalifikazzjoni diretta għall-Kampjonati Ewropej tal-Atletika ta’ taħt it-18-il sena fil-hammer throw wara prestazzjoni mill-aqwa fiċ-Challenge Meeting ta’ Athletics Malta, miftuħ għall-atleti żgħażagħ. Hija kisbet dan ir-riżultat wara tefa’ ta’ 58.51 metri, li jfisser rekord nazzjonali fil-kategorija tagħha biex kisbet id-dritt li tikkompeti fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-18-il sena, li se jsiru f’Banska Bystrica fl-Islovakkja, fis-Sajf li ġej.
Min-naħa l-oħra Nico Sciberras, li għandu 20 sena, rebaħ il-midalja tal-fidda fit-Trap Men Junior Event fil-European Championship Shotgun Events li saru f’Lonato del Garda, fl-Italja. Din kienet l-ewwel darba li atleta Malti tat-Trap Junior irnexxielu jirbaħ midalja f’Kampjonat Kontinentali.
Il-preżentazzjoni tal-unuri tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar saret minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/
Ritratt: Mix-xellug: Lorraine Cunningham (MSJA), Nico Sciberras, Bianca Shoemake u Robert Micallef (Atlas Insurance).
Leave A Comment