Illum kien imfakkar il-Jum Dinji ddedikat lill-Ġurnaliżmu Sportiv. Dan il-jum ilu jiġi ċċelebrat għal diversi snin u dejjem ikun iċċelebrat fit-2 ta’ Lulju ta’ kull sena għaliex huwa l-jum li fih kienet twaqqfet l-AIPS, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Media Sportiva.

Din is-sena hija ċelebrazzjoni speċjali minħabba l-fatt li l-AIPS qed tfakkar il-100 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha lura fl-1924 f’laqgħa li kienet saret f’Pariġi.

F’messaġġ tal-okkażjoni l-President tal-AIPS Gianni Merlo awgura li dak li ġie miksub fl-aħħar mitt sena ikun imġedded għall-futur.

B’referenza għas-sitwazzjoni attwali ta’ żieda sostanzjali ta’ nies li jaħdmu esklussivament fuq il-mezzi soċjali, xogħol bl-intelliġenza artifiċjali u l-fenomenu tal-Content Creators, Merlo qal li l-ġurnalisti jridu jagħrfu jimxu maż-żminijiet u ma jibżgħux mill-bidla. Dan il-messaġġ sar waqt laqgħa interattiva li għaliha attendew mijiet ta’ ġurnalisti minn madwar id-dinja.
Ara l-link hawn taħt:

Iktar kmieni fil-ġurnata, il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef permezz ta’ messaġġ awdjo-viżiv spjega l-importanza li anke f’pajjiżna jiġi ċċelebrat dan il-jum iddedikat lill-Ġurnaliżmu Sportiv. Hu rrimarka li minkejja li huma ftit il-ġurnalisti tal-isport f’pajjiżna li jaħdmu f’dan il-qasam bħala l-full time job tagħhom (għaliex il-maġġoranza tal-membri huma part-timers jew kontributuri), huma wkoll għandhom ikunu kburin li qed jagħtu servizz lill-isport Malti permezz tal-kontribuzzjoni tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir.

Micallef irrimarka fuq l-importanza tal-għaqda u s-solidarjetà bejn il-ġurnalisti kollha u rringrazzja lill-membri tal-appoġġ tul is-sena. Ara l-link hawn:

https://www.facebook.com/share/v/TWEpSJpPuvfqFdJY/

Għal din l-okkażjoni l-Għaqda Ġurnalisti Sports tat il-kontribut tagħha wkoll billi bħal ħafna pajjiżi pproduċiet clip awdjo-viżiv dwar il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna tul is-snin fl-Olimpijadi. Dan il-clip sar mill-ġurnalist żagħżugħ Ryan Cauchi. Ara l-link hawn: