National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, bi pjaċir iħabbru li Johan Attard rebaħ it-tielet unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2024.

Il-plejer tal-blackball Johan Attard sar l-ewwel Malti li rebaħ tournament internazzjonali tal-IPA. Flimkien ma’ Clint Grima, huwa ħa sehem f’żewġ tournaments tal-IPA li saru f’Coventry fl-Ingilterra, f’Mejju li għadda u fit-tnejn li huma wasal sal-finali.

Fl-ewwel finali, Attard kien minn fuq 9-7 kontra Clint l’Anson, iżda dan tal-aħħar rebaħ iż-żewġ frejms deċiżivi, bir-riżultat finali ta’ 10-9. Fit-tieni finali, li kienet il-Ħadd 19 ta’ Mejju, Attard kellu prestazzjoni eċċezzjonali meta għeleb lil David Addinali bl-iskor ta’ 7-2 u għolla t-trofew.

Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ IZI Group ikkumenta fuq ir-riżultati straordinarji miksuba minn Johan Attard. “Aħna ferm kuntenti u nagħtu l-appoġġ tagħna lejn il-ħidma kbira tal-atleti li bħal Johan Attard jagħtu kollox f’dawn l-avvenimenti prestiġjużi. Ir-riżultati miksuba minn Johan juru biċ-ċar l-impenn li dawn l-atleti jagħtu fl-isport rispettiv tagħhom, speċjalment meta jkunu qed jirrapreżentaw lil Malta f’kompetizzjonjiet internazzjonali. Nawguraw lil Johann kull suċċess għall-futur.”

Min-naħa tiegħu, Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports sostna, “Bla dubju li tikkompeti fuq livell internazzjonali huwa diġa minnu nnifsu suċċess importanti, speċjalment fuq livell professjonali. Id-determinazzjoni u s-suċċess ta’ Johan Attard ħaqqhom kull tifħir għax jirriflettu mhux biss id-dedikazzjoni tiegħu personali imma juru l-appoġġ kontinwu li tagħti l-Malta Blackball Federation. Is-suċċess miksub minn Attard għandu jservi ta’ ispirazzjoni għall-atleti l-oħra Maltin u jkompli juri l-potenzjal li jista’ jinkiseb fuq livell internazzjonali. Inħarsu ‘l quddiem biex naraw aktar atleti Maltin tal-cue sport jiksbu aktar suċċessi barra minn xtutna.”

Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.

Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.

Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/

Ritratt: (Mix-xellug) James Morgan, Brand Manager ta’ IZI Group plc, Johan Attard u Stephen Azzopardi, Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.