Is-Sibt waranofsinhar fit-Tottenham Hotspur Stadium intlagħbet l-ewwel edizzjoni tal-VisitMalta Cup bit-tim ta’ Bayern Munich jegħleb lil Tottenham Hotspur bl-iskor ta’ 3-2.

L-għan ewlieni ta’ din il-partita kien li jkompli jissaħħaħ it-turiżmu sportiv hekk kif iż-żewġ klabbs rispettivi għandhom eluf ta’ partitarji madwar id-dinja kollha li jsegwuhom. Apparti minn hekk, kemm fir-Renju Unit kif ukoll fil-Ġermanja, Tottenham Hotspur u Bayern Munich għandhom fost l-akbar bażi ta’ partitarji warajhom fl-Ewropa.

Matul il-partita spikka b’mod kontinwu l-isem Malta permezz ta’ VisitMalta, liema partita intwerit b’mod dirett fuq stazzjonijiet Brittaniċi u anke Ġermaniżi.

Għal dik li hija kronika tal-partita, Tottenham fil-vantaġġ wara biss minuta logħob permezz ta’ Kulusevski. Mal-ħin Bayern Munich bdew iżidu fir-ritmu u sa’ tmiem l-ewwel taqsima skorjaw tliet darbiet. L-ewwel kien Upamecano li fis-sittax-il minuta għamel kollox indaqs biex kif appena għaddew l-ewwel tlettin minuta tal-konfront Gnabry poġġa lil Ġermaniżi għall-ewwel darba fil-vantaġġ. Eżatt qabel l-intervall, il-veteran Thomas Muller għamilhom tlieta b’wieħed favur Bayern Munich.

L-iSpurs ħarġu aħjar fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta, bl-Svediż Dejan Kulusevski jirreġistra doppjeta personali hekk kif skorja t-tieni goal tiegħu u l-aħħar wieħed fil-konfront fil-wieħed u sittin minuta.

Matul it-tieni taqsima assistejna għal bosta sostituzzjonijiet bir-riżultat jibqa’ dak ta’ 3–2 favur Bayern Munich. Hekk kif intemmet il-partita Bayern Munich ġew preżentati bit-trofew tar-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-VisitMalta Cup mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef.

Il-partita bejn Tottenham Hotspur u Bayern Munich kienet l-aħħar partita ta’ ħbiberija qabel il-bidu ta’ staġun ġdid, bit-tim minn Londra jiftaħ l-impenji ufficjali tiegħu nhar it-Tnejn 19 t’Awwissu kontra Leicester City fid-disgħa ta’ filgħaxija filwaqt li Bayern Munich jibdew l-istaġun bit-tazza domestika kontra t-tim mill-Bundesliga 2 SSV Ulm 1846 qabel ma’ jaffaċjaw lill-VFL Wolfsburg fl-ewwel partita tal-Kampjonat Ġermaniż.

Ritratti ta’ Domenic Aquilina