Tkompli s-sensiela ta’ laqgħat illi l-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sport qed jagħmel f’dawn l-aħħar xhur mal-assoċjazzjonijiet u federazzjonijet sportivi lokali. Fl-aħħar jiem il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sport iltaqa’ mal-uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport tal-Isparar (Malta Sport Shooting Federation) li kienu rappreżentati mill-President tagħhom Frans Pace u mill-PRO Robert Farrugia.

Fil-laqgħa ġew diskussi diversi materji relatati mal-ħidma kemm tal-ġurnalisti kif ukoll dwar il-ħsieb kif l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport tal-Isparar tista’ tkun iktar megħjuna mil-lat ta’ rappurtaġġ mill-media lokali. Fil-laqgħa ġew diskussi wkoll il-proġetti u l-attivitajiet kemm lokali u anki internazzjonali li bi ħsiebha torganizza l-Malta Sport Shooting Federation fix-xhur illi ġejjin.

Din il-laqgħa kienet l-aħħar waħda għal din is-sena f’din is-sensiela ta’ laqgħat mal-federazzjonijiet u assoċjazzjonijiet sportivi lokali, hekk kif issa l-Għaqda Ġurnalisti Sport se tkun qed torganizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha li hi skedata fid-19 ta’ Settembru.

Kull min jixtieq jagħmel kuntatt mal-Għaqda Ġuranlisti Sport jista’ jibgħat email fuq info@maltasportsjournalists.com.

Ritratt: (Mix-xellug) Josef Galdes (MSJA), Clinton Buhagiar (MSJA), Stephen Azzopardi (MSJA), Lorraine Cunnigham (MSJA), Mark Muscat (MSJA), Frans Pace (MSSF), Robert Farrugia (MSSF) u Sandro Micallef (MSJA)