Jake Castaldi u Dielyn Edwards (Blackball) flimkien ma’ Mattea Saliba (Squash) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar ta’ Novembru.
Jack Castaldi li jagħlaq 15-il sena f’Jannar li ġej u Dielyn Edwards li għandu 14-il sena rebħu l-kategorija tad-doubles ta’ taħt il-15-il sena, waqt il-Kampjonati Dinjija tal-Blackball li saru f’pajjiżna fil-bidu ta’ Novembru.
Fil-finali, li kienet waħda ferm eċċitanti, iż-żgħażagħ Maltin affrontaw lil Marcel Kusa u Riley Patterson mill-Irlanda ta’ Fuq. Castaldi u Edwards kienu għal ħafna drabi fil-vantaġġ bl-Irlandiżi pero li baqgħu fil-logħba. Finalment il-Maltin rebħu dan il-konfront 6-5 u għollew t-trofew bħala Champions tad-Dinja.
Min-naħa l-oħra, iċ-champion tal-isquash Mattea Saliba li għandha 14-il sena, rebħet il-Girls Under 15 Irish Junior Open Tournament li sar f’Dublin billi rebħet il-logħbiet kollha. Dan huwa l-ħames titlu Ewropew għal din is-sena u li wisq probabbli se jtellaha fil-post numru 7 fir-ranking Ewropew ta’ taħt il-15-il sena.
Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi. Qabel din il-preżentazzjoni, il-plejer tat-tennis Alex Degabriele ġie ppreżentat bit-trofew bħala wieħed mir-rebbieħa għax-xahar ta’ Lulju.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/
Ritratt: (mix-xellug) Stephen Azzopardi (MSJA), Dielyn Edwards, Jake Castaldi, Mattea Saliba u Matthew von Brockdorff (Atlas).
Leave A Comment