Thomas Sammut (Darts) u Sasha Gatt (Għawm) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Diċembru.

Thomas Sammut, li għandu 15-il sena, rebaħ ir-ranking tournament taż-żgħażagħ organizzat mill-Malta Darts Association, fejn kien ukoll  l-iktar plejer konsistenti billi rebaħ il-logħbiet kollha. Din kienet it-tieni darba li rebaħ dan ir-ranking tournament wara s-suċċess li kellu f’Novembru li għadda. 

Min-naħa l-oħra, l-għawwiema Maltija Sasha Gatt li għandha 19-il sena, ħadet sehem fil-Kampjonati Dinjija tal-Akwatika u l-Għawm li saru f’Budapest, l-Ungerija, fejn waqqfet rekord nazzjonali ġdid fit-800 metru freestyle. Gatt spiċċat f’ħin ta’ 8 minuti, 35.15 sekondi, u temmet fis-sitt post fil-heat tagħha. Dan fisser li waqqfet rekord nazzjonali ġdid f’din id-distanza, kif ukoll ġabret 795 punt tal-FINA (il-Federazzjoni Internazzjonai tal-Għawm). Dan l-ammont ta’ punti huwa l-akbar wieħed qatt miksub minn għawwiema Maltija.

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi. Qabel din il-preżentazzjoni, il-plejer taċ-chess Jack Mizzi ġie ppreżentat bit-trofew bħala wieħed mir-rebbieħa għax-xahar ta’ Ottubru.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/

Ritratt: (mix-xellug) Stephen Azzopardi (MSJA), Dielyn Edwards, Sasha Gatt, Thomas Sammut u Matthew von Brockdorff (Atlas).