Il-plejer leġendarju ta’ Manchester United Denis Irwin kien il-mistieden speċjali fuq l-istand ta’ VisitMalta fil-fiera tal-ivjaġġar Destinations f’Manchester li saret bejn is-16 u d-19 ta’ Jannar fejn dawk preżenti kellhom iċ-ċans jieħdu ritratti miegħu u ħafna anke bdew jitolbuh l-awtografu.
L-Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Stephen Azzopardi kellu l-opportunità li jintervista lil Denis Irwin grazzi għal VisitMalta u l-ftehim li għandhom mat-tim ta’ Manchester United. Fil-kummenti tiegħu Irwin qal li huwa jħossu onorat li lagħab ma’ Manchester United u li tgħallem ħafna mingħand Sir Alex Ferguson. Semma kif Ferguson kien jieħu ħsieb il-plejers tiegħu u li kien għalihom missier. Denis Irwin ħeġġeġ lil dawk żgħar fl-età u li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol sabiex jieħdu pjaċir bil-logħba tal-futbol u jitbissmu għaliex hija logħba mill-isbaħ!
Ma kienx jonqos li Denis Irwin jaqsam il-memorji sbieħ li għandu ta’ Malta meta ltaqa’ mal-partitarji Maltin fil-Manchester United Supporters’ Club, li huwa wieħed mill-eqdem fergħat u li twaqqaf fl-4 ta’ Frar 1959. Jibqgħu għal dejjem fil-memorja tiegħu ż-żjarat tiegħu fil-Belt Valletta, fil-Blue Lagoon u f’Għawdex fejn stqarr li ma jeskludix li jerġa’ jiġi fi ġżiritna flimkien mal-familja tiegħu.
L-istand ta’ VisitMalta waqt il-fiera Destinations offra l-opportunità unika lil dawk preżenti sabiex iduqu varjetà ta’ ikel u x-xorb tradizzjonali Malti, li sserva wkoll waqt il-Malta Day f’Old Trafford.
Bħala parti mill-kampanja ta’ VisitMalta f’Manchester il-pubbliku seta’ jara lil Malta u Għawdex reklamati f’Manchester Piccadilly Station, ħdejn Arndale Shopping Centre u fil-madwar. Ta’ min jgħid li matul is-sena 2024 għaddew 8.8 miljun ruħ mill-Manchester Piccadilly Station u aktar minn 46 miljun ruħ żaru Arndale. Ma naqsitx ukoll il-promozzjoni ta’ VisitMalta kemm fuq ġewwa u madwar Old Trafford bil-partitarji li kellhom iċ-ċans li jirbħu vjaġġ għal Malta.
Permezz tal-Malta Day f’Old Trafford VisitMalta tkompli l-ħidma tagħha biex tkompli tpoġġi lil Malta minn ta’ quddiem bħala destinazzjoni għas-safar, kultura u turiżmu sportiv. Permezz tal-kollaborazzjoni ma’ Manchester United qed tingħata l-opportunità sabiex aktar turisti jiġu jesploraw il-ġmiel li joffru l-Gżejjer Maltin.
Leave A Comment