Matthew Zammit (Table Tennis) u Thea Parnis Coleiro (Atletika) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Jannar.

Matthew Zammit, li għandu 14-il sena, rebaħ ir-ranking tournament ta’ taħt id-19-il sena organizzat mill-Malta Table Tennis Association, wara li fil-finali għeleb lil Luke Bonello 3-1. Din il-finali kienet waħda ferm missielta, hekk kif iż-żewġ plejers żgħażagħ kienu f’forma mill-aqwa. Zammit wasal fil-finali wara li għeleb lil Vladislav Lyksuh 3-1, lil Luke Fenech 3-2 u lil Gabriele Bianco 3-0.

Min-naħa l-oħra, Thea Parnis Coleiro li għandha 16-il sena, ħadet sehem fil-kategoria ta’ taħt l-20 sena waqt il-London Indoor Games. Hija ġiet fit-tieni post fil-200 metru u kisret rekords nazzjonali fil-kategoriji ta’ taħt it-18 u l-20 sena. Hija kisret ukoll rekord nazzjonali fis-60 metru fil-kategoriji ta’ taħt it-18 u l-20 sena u ġiet fl-ewwel post fil-Pre-Season 1. Dawn is-suċċessi miksuba minn Thea Parnis Coleiro, mhux biss poġġewha fil-quċċata tar-rankings nazzjonali imma qabżet ukoll lill-atleti li huma aktar tal-esperjenza.

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/

Ritratt: (mix-xellug) Matthew Zammit u Thea Parnis Coleiro.