Dettalji dwar l-edizzjoni 2014 ingħataw mis-Sur Mark Cutajar, Chairman tal-Kumitat Organizattiv illi ta’ dettalji dwar il-mod ta’ kif saret l-għażla, il-mod tal-votazzjoni kif ukoll dwar ir-rwol tal-pubbliku f’dawn l-Għażliet. Huwa rringrazzja wkoll lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet nazzjonali tal-isport illi fix-xhur li għaddew taw il-koperazzjoni tagħhom fl-ewwel fażi tan-nominazzjonijiet.
F’din l-edizzjoni, l-unuri ser jingħataw f’dawn il-kategoriji:
Sportiva tas-sena
Sportiv tas-sena
Żagħżugħ tas-sena
Żagħżugħa tas-sena
Kowċ tas-sena
Uffiċjal tas-sena
Tim tas-sena
Avveniment tas-sena
Atleta Għawdxi tas-sena
Atleta ta’ Special Olympics (raġel u mara)
People’s Choice Award
Is-Sur Charles Camenzuli, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports ikkummenta li dan il-ftehim huwa xhieda tar-relazzjoni mill-aqwa li teżisti bejn l-GħĠS, il-KMS u s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-isport. Huwa sostna li daqstant ieħor dan il-ftehim huwa xhieda ta’ koperazzjoni sħiħa bejn min jamministra l-politika tal-isport f’pajjiżna u l-media tal-isport.
Dr.Luciano Busuttil, Chairman tal-Kunsill Malti għall-isport saħaq fuq l-importanza li dawk l-atleti li jkunu għamlu ġieħ lil pajjiżna jingħataw rikonoxximent, filwaqt li fakkar li anke l-Kunsill Malti għall-Isport, permezz ta’ skemi diversi, qed jgħinu sabiex dawn l-atleti jingħataw l-għajnuna meħtiega.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius filwaqt li għamel riferenza li mill-ewwel laqgħat li saru mal-GħGS dejjem kien hemm ir-rieda komuni li b’sens ta’ koperazzjoni dawn l-Għażliet ikunu organizzati flimkien mas-setturi kollha tal-media tal-isport, saħaq fuq l-importanza ta’ relazzjoni tajba bejn il-media u l-għaqdiet sportivi.
L-Isport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali li jippremjaw l-atleti fuq il-prestazzjonijiet tagħhom matul is-sena 2014 ser isiru nhar is-Sibt 31 ta’ Jannar 2015 u ser jixxandru dirett fuq TVM2.
Leave A Comment