L-Atleta ta’ Pembroke Athleta Jeremy Zammit ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal April. Zammit kiseb il-midalja tad-deheb fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena fit-tielet edizzjoni tal-EAP International Meeting li sar f’Katanja, ix-xahar li għadda.
Jeremy Zammit bil-qabża tiegħu ta’ 7.14m mhux biss assiguratlu l-midalja tad-deheb fil-long jump imma bħala Malti poġġietu mal-aqwa għaxra tal-età tiegħu fid-dinja, għal din is-sena.
Total ta’ 28 atleta Malti minn 10 klabbs differenti ħadu sehem f’dan l-avveniment internazzjonali, li kisbu14-il midalja fejn sitta minnhom kienu tad-deheb.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal April flimkien mal-abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew preżentati lil Jeremy Zammit minn Matthew von Brockdorff Managing Director u Chief Executive Officer ta’ Atlas Insurance. Stephen Azzopardi membru tal-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kien preżenti wkoll għall-preżentazzjoni.
Ir-rebbieħa għal din is-sena 2021 s’issa kienu: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar u Mya Azzopardi (Swimming) – Marzu.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
Leave A Comment