L-għawwiema ta’ Sirens ASC Sasha Gatt, li għandha 15-il sena, ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju.
Gatt kisbet ħin ta’ 4:18.58 fl-400m freestyle, fejn tejbet b’ħames sekondi l-ħin preċedenti tagħha stess ta’ 4:23.33 fi Frar li għadda. L-għada li kisbet dan is-suċċess, hija kisret record nazzjonali tagħha stess fit-800m freestyle b’ħin ta’ 8:52.22. Ir-rekord preċedenti f’Marzu li għadda kien ta’ 8:58.88. Dawn iż-żewġ rekords misuba minn Gatt huma wkoll meqjusa bħala age group records.
Ir-rebbieħa għal din is-sena 2021 s’issa kienu: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar u Mya Azzopardi (Swimming) – Marzu, Jeremy Zammit (Long Jump) – April u t-Tim Nazzjonali U15 tal-Waterpolo – Mejju.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazjonijiet għal dan il-premju jistgħu jintbagħtu fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti marbuta ma’ dan l-award jinsabu fuq is-sit www.maltasportsjournalists.com.
Leave A Comment