Il-Malta Fair Play Movement ħabbar it-tieni TGS Malta Fair Play Award b’mod konġunt mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u sponsorjat minn Together Gaming Solutions.
Il-paralimpiku lokali Antonio Flores ġie mogħti tieni premju għall-perjodu bejn April u Ġunju tas-sena 2021.
Wara snin ta’ taħriġ intensiv, Antonio Flores kellu jkun parti mill-kontinġent tal-atleti fil-Logħob Paralimpiċi ta’ Tokjo 2020. Sadanittant Flores weġġa’ u jekk ma kienx se jirkupra fiż-żmien stipulat, kien se jirriżulta li l-post tal-atletika jibqa’ vakanti u Malta ma tkunx rappreżentata f’dawn il-logħbiet.
Kien hawn li Antonio Flores ħa d-deċiżjoni iebsa li jċedi postu mill-edizzjoni ta’ Tokjo 2020, sabiex atleta ieħor Malti jkun jista’ jiġi reġistrat minfloku. Eventwalment huwa Thomas Borg li se jirrappreżenta lil Malta fl-atletika minflok Flores.
“Aħna nikkonfermaw bil-qawwa kollha l-għażla tal-atletà paralimpiku lokali Antonio Flores bħala r-rebbieħ tat-tieni TGS Malta Fair Play Award u tassew napprezzaw dan il-ġest tiegħu ta’ sportività. B’dan il-ġest tiegħu ta’ fair play, Flores qed jagħti eżempju kbir lill-atleti l-oħra u jixraqlu kull rikonoxximent u tifħir.” Benjamin Delsinger Managing Director of Together Gaming Solutions.
Il-preżentazzjoni tat-TGS Malta Fair Play Award saret nhar it-Tnejn 16 ta’ Awwissu 2021 fis-2pm fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-dipariment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani u Benjamin Delsinger Managing Director ta’ Together Gaming Solutions, fl-uffiċini tagħhom f’San Ġiljan. Preżenti għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm il-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-membru Josef Galdes.
Leave A Comment