Lijana Sultana ngħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ottubru.

Sultana li għandha 14-il sena rebħet il-kampjonat nazzjonali tan-nisa tal-isquash li kien sar fil-Marsa Sports Club. Fil-finali, hija għelbet lil Kimberley Galea 11-6, 10-12, 11-8, 11-8. Dan is-suċċess huwa t-tieni miksub minnha, wara li ddefendiet it-titlu tal-Under-19 Junior kontra Julian Scerri bl-iskor ta’ 11-7, 12-10, 11-4.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ottubru flimkien mall-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Lijana Sultana minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u Chief Executive Officer, u Robert Micallef, Chief Commercial Officer, ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien jemm  preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Ir-rebbieħa għal din is-sena s’issa kienu: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar, Mya Azzopardi (Għawm) – Marzu, Jeremy Zammit (Long Jump) – April, it-Tim Nazzjonali U15 tal-Waterpolo – Mejju, Sasha Gatt (Għawm) – Ġunju, Jeremy Zammit (Long Jump) – Lulju, it-Tim Nazzjonali U17 tan-Nisa tal-Waterpolo – Awwissu u Zea Montfort (Għawm Artistiku) – Settembru.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com.

Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.