Matti Satariano ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Novembru.

Satariano li għandu 14-il sena u li jilgħab ma’ Sliema Inter Darts Club irnexxielu jwettaq 3 darbiet l-iskor ta’ 180, li jfisser punti massimi billi jkun tefa’ t-tliet darts fuq l-20 punt għal tliet darbiet. Dan seħħ waqt logħba mill-kampjonat nazzjonali organizzat mill-Malta Darts Association. Fil-fatt dakinhar Sliema DC lagħbu kontra Floriana Ajax u Matti Satariano rebaħ il-logħba tiegħu kontra John Ciantar 3-2, bi tliet darbiet b’180 punt. Finalment bħala tim, wara li kulħadd lagħab il-logħba rispettiva tiegħu, Sliema DC kienu spiċċaw tilfu bl-iskor ta’ 6-2.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Novembru flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Matti Satariano minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien jemm preżenti l-President Sandro Micallef, l-Amministratur Stephen Azzopardi u l-membru Domenic Aquilina.

Ir-rebbieħa għal din is-sena s’issa kienu: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar, Mya Azzopardi (Għawm) – Marzu, Jeremy Zammit (Long Jump) – April, it-Tim Nazzjonali U15 tal-Waterpolo – Mejju, Sasha Gatt (Għawm) – Ġunju, Jeremy Zammit (Long Jump) – Lulju, it-Tim Nazzjonali U17 tan-Nisa tal-Waterpolo – Awwissu, Zea Montfort (Għawm Artistiku) – Settembru u Lijana Sultana (Squash) – Ottubru.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Sandro Micallef, President tal-MSJA, Matti Satariano, and Robert Micallef, CCO Atlas Insurance